Il-klabb tal-waterpolo Valletta United, immexxija mill-President Victor Spiteri ħabbru uffiċjalment l-akkwist taż-żewġ plejers barranin li se jkunu qed jilgħabu magħhom matul il-Kampjonat tas-sajf tal-waterpolo. Dawn huma s-Serb Djordje Filipovic, li diġa’ kien ma’ Valletta fis-sjuf preċidenti kif ukoll l-akkwist il-ġdid tal-Ungeriż Gergely Kiss. Dan tal-aħħar m’huwiex wiċċ ġdid għal Malta hekk kif diġa’ lagħba ma’ Sliema. Kiss għandu CV attrajenti tant li rebaħ tliet midalji tad-deheb fl-Olimpjadi mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.
Filipovic għadu kif ġej minn staġun mill-aqwa fl-Italja fejn kien wieħed mill-aqwa skorers tal-Kampjonat filwaqt li Kiss hu plejer b’talent kbir u xellugi li mistenni jagħmel id-differenza fl-iskwadra mmexxija minn Anthony Farrugia. Dan l-istaġun il-kumitat ta’ Valletta immexxi minn Spiteri kompla jaħdem sabiex tissaħħaħ l-iskwadra tant li akkwistaw għal kollox lil Dean Camilleri, Karl Galea, Daniel Paolella u Otis Zammit. Valletta akkwistaw ukoll b’self liż-żagħżugh Andrea Agius.
L-ewwel impenn ta’ Valletta f’dan il-Kampjonat tas-sajf se jkun għada l-Ġimgħa kontra Sirens. Għal darb’oħra Valletta se jkollhom lill-kumpanija McDonalds bħala sponsors tagħhom dan l-istaġun.
//= $special ?>
