Lokali Parlament

Appell għal servizz tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti fuq ir-rotot li jitilqu miċ-Ċirkewwa

Għandu jkun hemm rotot express differenti bejn iċ-Ċirkewwa u l-ajruport u oħra lejn l-Università u l-Isptar Mater Dei

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella għal servizz tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti u aktar frekwenti fuq ir-rotot li jitlqu miċ-Ċirkewwa, u dan biex jinqdew aħjar kemm l-Għawdxin kif ukoll ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li diġà, f’dan iż-żmien tas-sena qed jesperjenzaw kjuwijiet ta’ passiġġieri jistennew is-servizz fuq dawn ir-rotot.

Meta din il-ġimgħa tkellem fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista irrifera għal mistoqsijiet parlamentari dwar ir-rotot 41 u 42 fis-servizz tat-trasport pubbliku b’rabta mal-karozza tal-linja li titlaq miċ-Ċirkewwa sal-Ajruport. L-idea kienet li r-rotot 41 u 42 tiżdidilhom il-frekwenza minn issa minħabba l-fatt li diġà qiegħed ikun hemm kjuwijiet twal ta’ nies li mhux qed jinqdew bis-servizz tat-trasport pubbliku.

B’riferenza għar-risposti li ta l-Minsitru li kien hemm xi żidiet fil-frekwenzi, id-Deputat Nazzjonalista qal li xorta waħda dan mhux biżżejjed, u kien għalhekk li talab lill-Ministru li tiġi kunsidrata aktar żieda fil-frekwenzi tas-servizz fuq dawn ir-rotot.

Ċensu Galea fisser li b’sorpriża, irċieva messaġġ privat b’sms minn persuna minn Għawdex li jifhem li taħdem l-Isptar Mater tgħid tilmenta miegħu li bis-suġġerimenti tiegħu dwar is-servizzi tat-trasport pubbliku li jtilqu miċ-Ċirkewwa, kienu se jintlaqtu ħażin il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin.

Rotot express
Id-Deputat Nazjonalista fisser li minn verifiki li għamel jirriżulta li fost il-kunsiderazzjonijiet oħrajn li huma parti mir-riforma fit-trasport pubbliku, hemm diskussjonijiet mal-għaqda tal-istudenti biex ikun hemm żewġ tipi ta’ rotot express – waħda li sservi r-rotta taċ-Ċirkewwa lejn l-Università, Mater Dei u bil-possibbiltà li tiġi estiża għall-Junior College u lill-istudenti tal-MCAST; u rotta oħra diretta lejn l-ajruport.

Fisser li fl-ebda ħin ma ssuġġerixxa li tinqata’ xi rotta express u li bl-ebda mod ma tkellem fuq telfien ta’ ħin għall-istudenti u ħaddiema Għawdxin. Semma wkoll li r-rotta għandha tgħaddi miċ-ċentru tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar minflok mill-by-pass, u dan biex tkun aktar effiċjenti minħabba l-problema ta’ traffiku li jkun hemm fil-by-pass fil-preżent.
Spjega wkoll li mhux il-każ u qatt ma tkellem fis-sens li jkun hemm servizz aħjar għar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar askapitu tal-Għawdxin.

Semma wkoll diffikultà oħra dwar il-ħinijiet tar-rotot li jitlqu miċ-Ċirkewwa u appella biex dawn ir-rotot jitħaddmu u jkunu marbuta mal-ħinijiet tal-vapur li jasal minn Għawdex.

Inkonvenjenzi minn sidien mhux Maltin ta’ karozzi bi pjanċi barranin
Għamel ukoll riferenza għal mistoqsijiet palamentari oħrajn b’rabta ma’ sitwazzjonijiet f’ħafna lokalitajiet fejn ir-residenti barranin huma f’ammonti akbar minn normal. Matul l-aħħar snin kien hemm żieda fin-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet barranin u semma n-numru aktar minn normal li hemm f’San Pawl il-Baħar li żdied b’mod konsiderevoli wkoll riċentement.

Dawk li jistabbilixxu ruħhom f’Malta, spjega Ċensu Galea, jsibu wkoll magħhom il-vettura minn pajjiżhom u jużawha f’pajjiżna wkoll.
Semma li appella diversi drabi biex b’xi mod, il-Pulizija, Transport Malta u dawk responsabbli mill-kontroll tat-traffiku jkollhom l-informazzjoni ta’ dawn is-sidien ta’ vetturi biex meta xi ħadd jikser ir-regolamenti tat-traffiku, dawn jiġu penalizzati u mmultati wkoll bħalma jiġu residenti Maltin li jiksru r-regolamenti tat-traffiku bil-vetturi tagħhom.

Bis-sistema preżenti qed jirriżulta li mhu qed isir xejn b’mod konkret biex tiġi indirizzata din il-problema u appella lil Transport Malta u lill-Pulizija biex jaslu flimkien għal soluzzjoni dwar l-informazzjoni u tagħrif tan-numru tal-pjanċi ta’ dawn il-karrozzi ta’ sidien ta’ barrranin residenti f’pajjiżna.

Irrimarka li mad-dħul ta’ dawn il-karozzi f’pajjiżna, jinżammu rekord u informazzjoni tas-sidien ta’ dawn il-karozzi. Hu qed jitlob biex il-Pulizija u Transport Malta jkollha wkoll f’idejha l-informazzjoni tas-sidien ta’ dawn il-vetturi biex f’każ ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ikunu jistgħu jinħarġu ċ-ċitazzjonijiet meħtieġa. Dan biex ikunu kontrollati u jittieħdu passi kontra abbużi li qed jikkawżaw ukoll problemi lil residenti oħrajn Maltin. Semma wkoll kontroversji li qed jinqalgħu fost ir-residenti li qed jallegaw li residenti barranin qed jagħmlu li jridu u ma jingħatawx ċitazzjonijiet.

Vetturi abbandunati fit-toroq
Ċensu Galea rrifera wkoll għal vetturi li jiġu abbandunati fit-toroq u jitneħħew minn fuqhom il-liċenzji u l-pjanċi tal-karozza. Mir-risposti parlamentari tirriżulta problema doppja, għaliex jirriżulta li vetturi kemm ta’ barranin u Maltin qed jiġu abbandunati fit-toroq. Semma li vettura abbandunata ma tistax tiġi mneħħija għaliex jista’ jkun hemm akkuża ta’ serq tal-vettura.

Appella, iżda, għal soluzzjoni anke għal din il-problema li qed toħloq ukoll problema ta’ spazju għal Transport Malta u l-Pulizija fejn jitqiegħdu dawn il-vetturi. Issuġġerixxa emendi għal-liġijiet biex tkun indirizzati din il-problema u dan biex jingħata wkoll aktar saħħa fl-infurzar tal-liġijiet lill-Pulizja u lill-Kunsilli Lokali.

Għelieqi mhux użati għandhom jintużaw għall-parkeġġi
Dwar il-problema ta’ parkeġġ f’San Pawl il-Baħar, irrimarka li fid-dawl tal-problemi tal-immaniġġjar tat-traffiku, kif ukoll tal-fatt li San Pawl il-Baħar hu l-aktar lokalità fejn jinbiegħu proprjetajiet, kull spazju għal parkeġġ hu importanti. Appella biex inżidu l-parkeġġi fi żminijiet temporanji bħalma hu dak tas-sajf, fejn għelieqi li ma jintużawx mill-bdiewa f’dawn ix-xhur tas-sena jsir arranġament mas-sidien ta’ dawn l-għelieqi biex jintużaw għall-parkeġġ u b’hekk inkunu qed ngħinu lill-komunitajiet.