Jekk qatt xi darba stajna nieħdu lil dal-Gvern fuq il-kelma tiegħu, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nintebħu kemm inkunu qed niżbaljaw jekk nibqgħu nemmnu li dan qatt xi darba se jseħħ. Il-Gvern f’inqas minn sentejn tana aktar minn prova waħda biex ninnutaw kemm għandu aġendi diversi minn dawk li jkun qiegħed iressaq ‘il quddiem.
Matul il-ġimgħat li għaddew segwejt mill-qrib il-każ kollu tal-Università Amerikana – jew non-Amerikana – mill-qrib minn apsetti edukattivi u għamilt ħilti biex nipprova nasal għal xi konklużjonijiet li jistgħu jkunu sodisfaċenti. Il-Gvern u l-Ministru tal-Edukazzjoni qegħdin jargumentaw li ma jistax ikun li nħallu l-Università attwali topera daqslikieku kienet monopolju. Imma l-aktar argument li ħasadni ma kienx dan, imma kien argument ieħor li l-Ministru Bartolo kien ġab lura għall-2010 fejn kien ikkowotat jirreferi għall-monopolju bħala prattika ‘dead and buried’. Din l-affermazzjoni kienet dovuta għall-fatt li f’Malta mhijiex biss l-Università tal-Qroqq li qiegħda twassal lil uliedna għal livell terzjarju li joffri l-possibbiltà ta’ ‘degree’, minħabba l-MCAST u ‘franchise’ ta’ universitajiet barranin li wkoll qegħdin iwassli studenti Maltin għal ‘degrees’. Għaldaqstant, wieħed jirrimarka kemm l-argument tal-monopolju huwa wieħed sfurzat biex il-Gvern jipprova jagħti xi spjegazzjoni edukattiva għall-proġett li x’aktarx, l-għanijiet ogħla tiegħu mhumiex daqstant edukattivi.
Dan kollu qajjem reazzjoni negattiva l-ewwel nett, fost l-akkademiċi tal-Università nnifisha. Interessanti ferm li wieħed jinnota kif l-akkademiċi ma kinux ikkonsultati qabel ittieħdet id-deċiżjoni, imma kienu biss avviċinati mill-Oppożizzjoni sabiex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom. Il-Professur Kenneth Wain, fir-rigward ta’ dan kollu fisser kif kull min jaf kif taħdem università jirrealizza li l-Università ta’ Malta mhijiex monopolju. Minkejja li aħna ġeografikament iżolati, l-Univeristà ma tiffunzjonax f’iżolament, anzi hija kontinwament taħdem m’oħrajn. Il-Professur Dominic Fenech jafferma li l-kelma ‘monopolju’ mhix kelma li tista’ tkun assoċjata ma’ università imma ma’ negozju, liema negozju l-Università ta’ Malta mhix.
Madankollu, il-Gvern jagħżel li ma jismax l-opinjoni ta’ dawk li huma l-qofol tal-ogħla istituzzjoni edukattiva f’Malta, istituzzjoni li għandha rispett u kredenzjali rikonoxxuti anke lil hinn minn xtutna. Hawnhekk niġi għall-Università De Paul, università ta’ fama li l-Gvern uża isimiha biex jgħolli l-profil tal-università li se tkun immexxija minn kumpanija li teċċella fil-kostruzzjoni imma li ma għandhiex esperjenza fit-tmexxija ta’ università. Fil-fatt, issa huwa magħruf li l-univeristà De Paul mhix se tkun involuta la fit-tagħlim, la fis-selezzjoni tal-akkademiċi u wisq anqas fit-tħejjija u l-proċess tal-istandards jew l-akkreditazzjoni tal-università nnifisha. Kull ma għamlet l-Università De Paul kien li tat suġġerimenti fir-rigward tal-kurrikuli. Jidher ukoll li l-università taż-Żonqor mhix se tkun qiegħda topera bħala parti minn din l-Università Amerikana. Għalhekk, kif nistgħu nibqgħu nsejħulha Amerikana hija lil hinn mill-mifhum!
La qiegħed insemmi l-akkreditazzjoni, tajjeb li nistabbilixxu l-fatti dwar kif din l-Università non-Amerikana ser tkun kisbet il-liċenzja biex titqies bħala tali. Fl-istess ġimgħa li tħabbar il-proġett, inħareġ Avviż Legali – li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jirribatti b’mozzjoni parlamentari li ppreżenta l-ġimgħa li għaddiet – li jistabbilixxi standards ġodda sabiex istituzzjoni ogħla tkun tista’ tingħata l-liċenzja ta’ università. Il-famuż Avviż Legali 150 huwa kontroversjali għal diversi raġunijiet fosthom għall-fatt li donnu jakkomoda lill-Univeristà non-Amerikana, tant li b’dan l-Avviż Legali, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (l-NCFHE) mhix ser ikollha problema tapprova l-liċenzja tal-università.
Minkejja li dan l-Avviż Legali jnaqqas ir-rekwiżiti tal-‘Qualifications Framework’ fil-livelli 5, 6 u 7 ta’ progammi ta’ studju (Diplomi Ogħla, Baċċellarat, Masters u l-bqija) minn 6 obbligatorji għal 4, l-aktar inkwetanti huwa li minn issa, università ma għandhiex bżonn tgħallem, tirriċerka u tippubblika imma tkun meqjusa b’università jekk toffri sa mqar waħda minn dawn. Fuq kollox, l-NCHFE tista’ tagħti wkoll il-liċenzja ta’ università jekk din tkun fl-interess Nazzjonali mingħajr ma hu defenit x’inhu l-interess nazzjonali. Dan mingħajr dubju jimminimizza l-istandard ta’ dak li hu livell impekabbli fejn tidħol università f’pajjiżna.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-emendi li qiegħda tippreżenta permezz tal-mozzjoni tagħha targumenta li l-istandards edukattivi ma għandhomx jitnaqqsu għaliex jekk pajjiżna jixraqlu l-ogħla livelli edukattivi.
Jekk kemm-il darba l-appell tal-Oppożizzjoni li huwa ġustifikat anke mill-akkademiċi jaqa’ fuq widnejn torox, allura l-Gvern ikun għażel li jeħodha kontra min għandu l-edukazzjoni għal qalbu.
//= $special ?>