Lokali

Il-Gvern għandu jibgħat l-‘evidenza ġdida’ għand il-Pulizija u ma jaħlix aktar żmien

L-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex bla dewmien u ħela ta’ żmien jibgħat dik li qed isejjaħ evidenza ġdida dwar il-konkos difettuż fl-Isptar Mater Dei lill-Pulizija għall-investigazzjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista esprima din il-pożizzjoni f’reazzjoni għal stqarrija tal-Gvern, li fiha intqal li kieen hemm evidenza ġdida dwar il-konkos fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Fl-istqarrija, il-Gvern qal li kien reġa’ waqqaf l-Inkjesta ppreseduta mill-eks Deputat Laburista Philip Sciberras biex tinvestiga din l-evidenza.

L-Oppożizzjoni nnutat ukoll il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi reġa’ qabbad lill-eks Deputat Laburista Philip Sciberras biex jinvestiga l-hekk imsejħa evidenza ġdida. Il-Partit Nazzjonalista qal li ladarba l-eks Deputat Laburista, flimkien ma’ ibnu l-Viċi Sindku Laburista Alex Sciberras, diġà għaddew il-konklużjonijiet tagħhom, din l-hekk imsejjħa evidenza ġdida għandha tintbagħat minnufih għand il-Pulizija għall-investigazzjonijiet tagħha.

Il-Gvern għandu jieqaf jaħli ż-żmien u joħloq paraventi biex jipprova jipproteġi lil min jaħti, filwaqt li jħammeġ lil min ma jaħtix. Il-Gvern ried jara x’se jerġa’ jivvinta f’ġimgħa mimlija skandli li qed jikxfu l-ħmieġ fil-qalba tal-Gvern, fosthom l-iskandlu taż-Żonqor, l-iskandlu ta’ Strada Zekka u issa anke l-Kodiċi ta’ Etika mbażwar.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi jmisshom jieqfu jilgħabu l-logħob tat-tfal u jieħdu azzjoni serja minnufih kontra dawk li wettqu frodi fil-konkos tal-Isptar, sostna l-Partit Nazzjonalista.