Skont il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, bil-Kodiċi l-ġodda tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, xogħol privat li ma setax isir minn Ministri u Segretarji Parlamentari issa hemm possibbiltà li jista’ jsir. Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, il-Kap taċ-Ċivil qal li dan il-Kodiċi ta’ Etika jkabbar u jseddaq it-trasparenza u l-governanza, filwaqt li qal li l-iskop tal-Gvern hu li dan il-Kodiċi ta’ Etika jkun aktar realistiku u jirrifletti ż-żminijiet tal-lum.
Ix-xogħol privat li jistgħu jagħmlu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari hu wieħed mill-punti kontroversjali tal-Kodiċi. Bħala eżempju u referenza, fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-ġurnalisti semmew il-każ tal-eks Segretarju Parlamentari Franco Mercieca, li kien ingħata waiver mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ikompli jaħdem privat fl-istess waqt li jkun Segretarju Parlamentari.
Mario Cutajar sostna li l-Kodiċi l-ġodda ta’ Etika ġew diskussi fil-bidu tal-leġislatura, kif ukoll li l-pajjiż ma jistax jitlef ir-riżorsi umani li għandu. Qal li dan il-Kodiċi ta’ Etika hu identiku għalkemm aktar realistiku, trasparenti u joffri goveranza aħjar minn dak li kien hemm qabel. Iżda jekk Segretarju Parlamentari, bħal fil-każ ta’ Franco Mercieca, qabel ma setax ikompli jaħdem u issa jista’, allura kien hemm bidla.
Irid ikun il-Kabinett tal-Ministri, ippresedut mill-Prim Ministru, li jiddeċiedi x’inhu fl-interess nazzjonali u għalhekk irid ikun il-Prim Ministru stess li japprova jekk Segretarju Parlamnetari jew Ministru jistax jibqa’ għaddej bil-professjoni tiegħu fil-perjodu meta jkun fil-kariga. Sal-leġislatura li għaddiet, il-Kodiċi ta’ Etika kien jistipola li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ma setgħux jaħdmu fil-privat fl-istess hin li jkunu qed jokkupaw il-kariga fil-Kabinett biex jiddedikaw il-hin kollu taghhom biex jaqdu r-rwol taghhom.
Deċiżjoni oħra stramba hi li minn issa ‘l quddiem, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari m’għandhomx għalfejn jagħmlu dikjarazzjoni tal-assi tan-nisa u l-irġiel u t-tfal tagħhom. Din id-deċiżjoni tqajjem suspett kbir dwar għalfejn il-Ministri m’għandhomx għalfejn jiddikjaraw dak li jdaħħlu l-membri tal-familja tagħhom.
Il-bniedem wara dawn id-deċiżjonijiet, inkarigat mill-Prim Ministru, hu l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
//= $special ?>