Lokali Unjoni Ewropea

Imfakkra l-ewwel sena ħidma tal-leġislatura minn Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew

L-MEP Roberta Metsola

Tfakkret l-ewwel sena ħidma f’din il-leġislatura mill-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, iffukata l-aktar fil-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li jittratta wkoll l-immigrazzjoni. F’attività biex titfakkar din il-ħidma, Roberta Metsola qalet li ftit wara l-elezzjoni kienet eletta bħala Deputat Kordinatur tal-Partit Popolari Ewropew f’dan il-Kumitat, li jfisser li tkun involuta fil-proċess kollu tan-negozjati dwar kull Dossier li jkun hemm quddiem il-Kumitat.

Roberta Metsola sostniet li l-aktar wieħed importanti kien ir-Rapport dwar il-Migrazzjoni fil-Mediterran, li hi r-Rapporteur tiegħu, filwaqt li esprimiet id-determinazzjoni li l-Kumitat jippreżenta rapport li janalizza l-kwistjoni tal-migrazzjoni b’mod ħolistiku u minn kull aspett. L-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista kompliet li, fil-Parlament Ewropew, tat importanza qawwija għal kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni, l-ażil, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, il-privatezza u s-sigurtà.

Metsola sostniet li għandha passjoni li jitneħħew l-ostakli li jeżistu għal nies differenti. Bħala membru tal-inter-grupp dwar id-diżabbiltà, flimkien ma’ oħrajn, għamlet il-każ biex persuni b’diżabbiltà jkollhom l-istess opportunitajiet bħal ħaddieħor. Qalet li se tkompli żżomm kuntatt mal-persuni b’diżabbiltà u r-rappreżentanti tagħhom biex tifhem aktar l-aġenda u l-prijoritajiet tagħhom ħalli jiġu indirizzati.

L-MEP kompliet billi fakkret fil-ħidma tagħha biex jitneħħew t-tariffi żejda u inġusti meta persuna tkun qed iċempel minn fuq il-mobile u tkun barra minn pajjiżha għax f’suq diġitali, dawn l-ostakli għal min hu fin-negozju u għall-klijenti li jkunu fuq xi btala għandhom jintemmu.