Il-President Rumen Klaus Iohannis talab lill-Prim Ministru tal-pajjiż biex jirriżenja wara li beda jkun investigat minħabba korruzzjoni.
Il-Prim Ministru Rumen Victor Ponta kien interrogat mill-prosekuturi minħabba suspetti ta’ korruzzjoni, evażjoni ta’ taxxa u ħasil ta’ flus.
L-investigazzjoni hi marbuta maż-żmien meta Ponta kien jaħdem bħala avukat bejn l-2007 u l-2008, u qed titmexxa mit-taqsima ta’ kontra l-korruzzjoni Rumena, magħrufa bħala DNA.
Qed ikun allegat li Ponta għamel użu minn invoices falsifikati biex jixtri żewġ appartamenti lussużi kif ukoll karozza tat-tip Mitsubishi Lancer.
Tul dawn l-aħħar xhur, l-investigaturi Rumeni arrestaw diversi politiċi magħrufin fil-pajjiz. Barra minn hekk, eksministri, negozjanti u mħallfin qed ikunu investigati. Fost dawn hemm Elena Udrea, eks-Ministru tat-Turiżmu u kandidat għall-Presidenza tal-pajjiż.
Barra dawn, qed ikunu investigati wkoll membri tal-familja ta’ Ponta, fosthom ommu u oħtu, kif ukoll missieru tar-rispett.
Ponta, tal-Partit Soċjal-Demokratiku, tela’ fil-poter fl-2012 u jmexxi l-akbar grupp fil-Parlament. Ponta hu eksprosekutur. L-elezzjoni ġenerali fil-pajjiż suppost issir is-sena d-dieħla.
IR-RUMANIJA: Il-PM investigat dwar korruzzjoni
