Lokali

L-ebda passi mill-Kap taċ-Ċivil fil-konfront ta’ Joe Grima

Joe Grima, l-eks Ministru Soċjalista ta’ żmien Mintoff u llum il-Mibgħut Specjali tal-Prim Ministru, mhux qed jigi nvestigat mill-Kap taċ-Ċivil minkejja l-attakk li għamel fuq l-eks President u eks Prim Ministru ta’ Malta Eddie Fenech Adami.

Fl-aħħar jiem, Joe Grima nfexx f’attakk spjetat kontra Eddie Fenech Adami, tant li sejjaħlu bħala “l-akbar imbarazzament li qatt daħal u ħareġ mill-Kamra tar-Rappreżentanti”. F’litanija sħiħa ta’ akkużi kontra Eddie Fenech Adami, l-eks Ministru ta’ żmien Mintoff għajjar lill-eks Kap Nazzjonalista bħala bniedem li imbarazza lil Malta.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-fatt li Joe Grima mhux qed ikun investigat mill-Kap taċ-Ċivil, il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab mir-responsabbiltà li għandu ta’ Prim Ministru u għalhekk ma jistax jibqa’ jiddefendi lil Joe Grima. Grima, bħala l-magħżul ta’ Muscat, illum hu Ambaxxatur Speċjali mħallas mill-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk għandu jimxi ma’ kodiċi ta’ etika.

Joe Grima jinsab f’nofs kontroversja wara l-attakki, mhux biss fuq Eddie Fenech Adami, iżda wkoll fuq il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista fakkar li s’issa, Muscat dejjem iddefenda lil Joe Grima imma ma jistax jibqa’ jagħmel hekk. Min-naħa l-oħra, għandu minnufih jgħid x’se jagħmel dwar il-Mibgħut Speċjali tiegħu.