Amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel l-elezzjoni tal-1996 ma kellha l-ebda għarfien tal-allegat frodi fil-konkrit inferjuri li ntuża’ f’partijiet mill-Isptar Mater Dei. Lanqas ma kellha l-ebda għarfien il-Fondazzjoni għax-Xjenzi u s-Servizzi Mediċi (FMSS).
Stqarr dan l-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea, fi stqarrija, biex iwieġeb partijiet mir-Rapport ta’ Inkjesta ppubblikat mill-Gvern preżenti wara l-Inkjesta mmexxija mill-eks Imħallef Philip Sciberras. Filwaqt li spjega li hu kien responsabbli mill-FMSS matul dik il-leġislatura, Louis Galea sostna li kemm hu, kif ukoll il-Gvern u l-FMSS imxew b’diliġenza biex ikun assigurat, kemm possibbli, li jitħaddem proċess ta’ kontroll adegwat.
L-eks Ministru ċaħad li fil-perjodu li dam imexxi l-FMSS, sal-elezzjoni tal-1996 li ntrebħet mill-Partit Laburista, kien hemm xi att impropju jew illegali kif implika r-Rapport ta’ Inkjesta. Hu spjega li jappoġġja kull azzjoni kontra min iffroda fil-provvista u l-ittestjar ta’ konkrit inferjuri, kif ukoll li lest ikompli jikkollabora mal-awtoritajiet.
Louis Galea qal li kien intervistat mill-Bord ta’ Inkjesta, immexxija mill-eks Imħallef Sciberras, fid-9 ta’ April li għadda. Stqarr li kellu joħroġ din l-istqarrija biex, fost l-oħrajn, iwieġeb għal dak li sejjaħ bħala “nuqqas ta’ evidenza li fuqha r-Rapport jibbaża ċerti konklużjonijiet”.
//= $special ?>