Skandlu ieħor ta’ Gvern Laburista hu dak dwar il-binja espropjata fi Triq iz-Zekka fil-Belt. F’dan l-iskandlu, il-Prim Ministru Joseph Muscat hu direttament u politikament responsabbli, hekk kif Muscat għazel hu stess li d-Dipartiment tal-Artijiet jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Sostniet dan l-Oppożizzjoni Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mix-Shadow Ministers Jason Azzopardi u Marthese Portelli, kif ukoll mill-Kelliem Ryan Callus.
F’dan l-iskandlu, il-Gvern ħallas aktar minn €1.5 miljun lil Mark Gaffarena bħala kumpens għal espropjazzjoni tal-propjetà fil-Belt, li minnha jitmexxa l-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini, immexxi mill-Membru Parlamentari Laburista Charles Buhagiar. Għalhekk, issa l-Oppożizzjoni bagħtet ittra lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan l-iskandlu ġdid.
Jason Azzopardi spjega kif dettalji żvelati llum fil-media juru li l-istess individwu ngħata artijiet oħra li jiswew aktar mid-doppju ta’ dak li ġew stmati mill-Gvern. Dan ifisser, kompla jispjega Jason Azzopardi, li dan l-individwu ngħata aktar minn €3 miljun f’artijiet u flus kontanti.
Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister Marthese Portelli fakkret x’kien qal id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, waqt attività politika f’Santa Luċija fil-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, jiġifieri li jiftiehem ma’ xi ħadd bil-moħbi biex individwu partikolari jsir miljunarju f’qasir żmien u minn flus il-poplu.
Min-naħa tiegħu, Ryan Callus qal li d-Deputat Laburista Charles Buhagiar, li għandu l-uffiċini fil-binja li espropja l-Gvern, għandu kunflitt ta’ nteress. Dan hekk kif kien ukoll il-perit tal-individwu li għamel il-profitt.
Il-kelliema tal-Oppożizzjoni sostnew li r-responsabbiltà politika hi mingħajr dubju tal-Prim Ministru Muscat, li hu l-ewwel Prim Ministru f’pajjiżna mill-Indipendenza ‘l hawn li ħa taħt idejh id-Dipartiment tal-Artijiet.
//= $special ?>