L-art li l-Gvern għadda lil Mark Gaffarena bħala parti minn esproprjazzjoni kontroversjali ta’ art, għandha mill-inqas id-doppju tal-valur.
Hekk qalu periti indipendenti li għamlu stimi konservattivi tal-art li tinsab fiċ-ċentru tal-kontroversja.
Il-każ ġie żvelat mis-Sunday Times nhar il-Ħadd li għadda fejn intqal li l-Gvern ħallas €1.65 miljun għal nofs propjetà fi Triq Żekka. Gaffarena ngħata €516,390 fi flus kontanti u art, b’valur ta’ ftit iktar minn €1 miljun.
Imma skont investigazzjoni li għamel l-istess ġurnal The Times, permezz ta’ periti ta’ esperjenza, l-art mogħtija lis-sid għandha valur ferm ikbar mill-€1 miljun dikjarat. Il-periti stmaw li l-valur tal-art għandu jiżdied b’mill-inqas €1.6 miljun oħra, u għalhekk jirdoppja l-valur tal-ħlas li s-sid ngħata.
L-art mogħtija bħala parti minn skambju għan-nofs propjetà fil-Belt, hi fi Triq Manuel Dimech f’Tas-Sliema, f’Ta’ Kandja, fil-White Rocks, f’Ħaż-Żebbuġ u fil-Ħandaq.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, meta ġiet żvelata l-istorja, ħareġ jiddefendi n-negozjati u saħaq li dan il-każ spiċċa fl-aħbarijiet minħabba kunjom is-sid. Skont it-Times, ir-raġel għandu rekord kontroversjali. Michael Falzon sostna li l-Gvern ried ikollu mill-inqas parti mill-binja biex jevita li jkollu jiżgombra dipartimenti tiegħu minn hawnhekk sal-2028.
//= $special ?>