L-ewwel Chairman tal-Eżekuttiv tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committee
L-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia f’isem il-Parlament Malti feraħ lil Tonio Fenech li ġie maħtur bħala l-ewwel Chairman tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committee li ġiet imwaqqfa minn 20 pajjiż tal-Commonwealth li ltaqgħu f’Malta din il-ġimgħa.
L-għanijiet tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committee hi li ġġib flimkien il-Kumitati ta’ Skrutinju u Sorveljanza fil-Commonwealth biex isiru aktar effettivi, indipendenti u trasparenti.
Fost l-għanijiet tal-Assoċjazzjoni hemm li din tippromwovi l-aqwa prattiċi ta’ kif PACs ikunu aktar effettivi u indipendenti fil-ħidma tagħhom sabiex jiġi assigurat li ċ-ċittadin ikollu moħħu mistrieħ li qed isir l-iskrutinju effettiv tan-nefqa pubblika, it-taħriġ tal-membri, li jkun hemm mekkaniżmu ta’ qsim ta’ esperjenzi u peer reviews fost l-oħrajn.
L-ewwel Kumitat Eżekuttiv ta’ din l-Assoċjazzjoni se jkun iffurmat miċ-Chairperson Tonio Fenech MP (Malta); Viċi Chairperson Alice Alaso Asianut MP (Uganda); it-Teżorier Vedasingam Baloomoody MP (Mauritius); u l-membri Kwaku Agyemang-Manu MP (Ghana), Chernor Bah MP (Sierra Leone); John Hickey MP (Papua New Guinea); Tissa Karaliyadda MP (Sri Lanka); Dale Marshall MP (Barbados); Nicolaas Smit MP (Namibia); Sahibzada Nazeer Sultan MNA (Pakistan); u Adan Keynan Wehliye MP (Kenya).
Il-pass li jmiss hu li l-Assoċjazzjoni tiġi aċċettata fi ħdan il-Commonwealth Parliamentary Association International li ser isir f’Bangladesh, f’Ottubru li ġej.
Tonio Fenech irringrazzja lill-iSpeaker tal-appoġġ tiegħu biex il-konferenza setgħet issir Malta u lil sħabu fil-Public Accounts Committee miż-żewġ naħat tal-Kamra li b’mod unanimu appoġġjaw in-nomina tiegħu.
//= $special ?>