Lokali Qorti

Maħtura żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati ġodda

L-importanza li l-Ġudikatura tkompli tkun element ta’ tisħiħ tad-demokrazija u li tagħti leħen lit-tfal fil-proċeduri kienu enfażizzati mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt iċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati ġodda.

Fil-Palazz Presidenjali, il-Maġistrati Giovanni Grixti u Myriam Hayman kienu maħtura Mħallfin, filwaqt li l-Avukati Joe Mifsud u Monika Vella nħatru Maġistrati.

Fid-diskors tagħha waqt il-ħatra, il-President ta’ Malta qalet li l-Ġudikatura tibqa’ pilastru ewlieni tad-demokrazija fil-pajjiż, filwaqt li enfażizzat l-importanza li l-vuċi tat-tfal tingħata importanza fil-proċeduri li jkunu mħollija f’idejn il-Ġudikanti.

L-impenn tal-Ġudikanti fil-qadi ta’ dmirijiethom kien enfażizzat f’diskors mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, li esprima fiduċja fl-erba’ ħatriet ġodda u qal li dawn se jkomplu jsaħħu l-Ġudikatura.

Wara l-ġurament tal-ħatra, l-erba’ Ġudikanti tkellmu dwar id-determinazzjoni tagħhom li jwettqu dmirhom skont il-Kostituzzjoni.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li għandu ringrazzjament paritkolari x’jaghmel lill-President Emeritus Guido de Marco. Qal li hu mhux se jkun bħal Pilatu għax mhux se jaħsel idejh, filwaqt li mhux se joqgħod fuq l-opinjoni pubblika fid-deċiżjonijiet tiegħu minħabba li l-impenn tiegħu hu li jwettaq ġustizzja.