Aktar kmieni din il-ġimgħa nstabu fdalijiet ta’ skeletru uman fil-Birgu, mal-ġenb tal-Oratorju ta’ San Ġużepp. Il-fdalijiet instabu waqt tħaffir ta’ trinka biex jitqiegħed cable tad-dawl.
L-iskeletru li nstab waqt ix-xogħlijiet attwali huwa ta’ individwu adult. Is-Sovrintendenza ddeċidiet li dan l-iskeletru jinżamm midfun fil-post, u li jerġa jiġi ssiġillat b’saffi protettivi. Dan sar wara li ttieħdet dokumentazzjoni arkeoloġika sħiħa ta’ din is-sejba.
Iż-żona fejn instabet din id-difna kienet darba parti minn ċimiterju marbut mal-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz. Huwa magħruf li dan iċ-ċimiterju kien jeżisti diġà fis-Seklu 16. Sas-Seklu 19 kull evidenza ta’ dan iċ-ċimiterju qadim għebet għal kollox.
Ix-xogħol tat-tħaffir qed isir taħt is-sorveljanza tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali permezz ta’ arkeologa.
//= $special ?>