Internazzjonali Saħħa Unjoni Ewropea

Tagħti l-kunsens biex jitħalla jmut

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qablet ma’ deċiżjoni ta’ qorti fi Franza biex raġel paralizzat jitħalla jmut billi jintfew il-magni li qed iżommuh ħaj.
Vincent Lambert, ta’ 39 sena, ilu għal dawn l-aħħar seba’ snin fi stat veġetattiv wara inċident bil-mutur.
Il-mara tiegħu riedet li jintfew il-magni imma l-ġenituri ta’ Lambert, Kattoliċi devoti, kienu kontra. Għalhekk, il-każ spiċċa quddiem l-ogħla qorti Franċiża fejn kien deċiż li l-magni għandhom jintfew. Madankollu, il-ġenituri tiegħu ddeċidew li jieħdu l-każ quddiem il-qorti fi Strasburgu li issa ddeċidiet li jekk jintfew il-magni, dan ma jmurx kontra d-drittijiet tiegħu.
Il-każ qanqal dibattitu jaħraq fi Franza fejn l-ewtanasja hi illegali għalkemm it-tobba jistgħu jagħmlu dik li tissejjaħ ewtanasja passiva billi titneħħa l-kura li tkun qed tingħata lill-pazjent.
Lambert qed jinżamm fi sptar f’Reims. Omm Lambert, Viviane, qalet li d-deċiżjoni kienet skandlu b’mod partikulari għaliex binha kien qed juri sinjali ta’ progress. Din il-ħaġa qablu magħha wkoll xi tobba Franċiżi.