Lokali

The Calm before The Storm – Wirja ta’ ritratti

Wirja ta' ritratti organizzata mill-APS biex jitfakkru ċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Fidda fl-1935

Wirja ta’ ritratti organizzata mill-APS biex jitfakkru ċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Fidda fl-1935

Il-Bank APS nieda wirja unika ta’ fotografija, b’25 ritratt miġbud f’Malta waqt iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Fidda tar-Re George V, bejn il-5 u t-12 ta’ Mejju, 1935. Ir-ritratti, stampati minn verżjoni diġitali tal-oriġinali, huma ta’ importanza storika u soċjoloġika.

“Il-Bank APS jappoġġja b’mod attiv attivitajiet li jenfasizzaw il-wirt għani li wassal għall-iżvilupp tas-soċjetà Maltija fis-sekli li għaddew. Il-wirja ta’ fotografija ta’ din is-sena tgħaqqad l-arti tal-fotografija mal-istorja politika u soċjali tal-Gżejjer Maltin. Il-wirja tgħajjex mill-ġdid il-memorji tal-avvenimenti storiċi li mmarkaw iż-żmien diffiċli ta’ nofs is-snin tletin, mill-Arkivji Nazzjonali u minn mezzi privati oħrajn. L-umanità sofriet mir-realtajiet ħarxa tal-Gwerra Dinjija ta’ bejn l-1939 u l-1945. Dawn ir-ritratti jwaqqfu l-arloġġ għal numru ta’ avvenimenti li seħħew fl-istorja riċenti ta’ Malta”, qal is-Sur E.P. Delia, iċ-Chairman tal-Bank APS.

Is-Sur Kevin Casha, il-Kuratur tal-wirja, qal li l-Arkivji Nazzjonali tal-Fotografija twaqqfu fl-2003 f’Santo Spirito, ir-Rabat, bl-għajnuna tal-Arkivista Nazzjonali Charles Farrugia. Dan wassal għall-bidu tal-proċess li ritratti lokali jiġu diġitizzati u miġbura għar-riċerka, kif ukoll biex jintużaw minn ġenerazzjonijiet futuri.

“Ir-ritratti fil-wirja jifformaw parti mill-kollezzjoni fotografika fl-Arkivji Nazjonali u ġew stampati mill-ġdid mill-verżjoni oriġinali. Għalkemm sar xi xogħol fuqhom biex jiċċeknu għal daqs partikolari u biex tinħareġ il-medda ta’ tonalità meħtieġa, ma sar l-ebda xogħol biex tinbidel l-essenza tal-kontenut tar-ritratti. B’hekk, ir-ritratti nżammew fattwali u leali lejn ir-rappurtaġġ, skont l-etika ġurnalistika. Barra minhekk, id-deterjorament biż-żmien fir-ritratt joħroġ aktar l-effett maġiku u misterjuż”.

Il-Bank jemmen li l-arti tal-fotografija hi ta’ benefiċċju qawwi, mhux biss għall-fotografi lokali, iżda wkoll għall-pubbliku ġenerali biex japprezza u jgħożż il-wirt inimitabbli tagħna”, temm jgħid is-Sur Casha.

Il-Bank APS jistieden lil dawk kollha li tinteressahom l-istorja ta’ pajjiżna biex iżur il-wirja, li qed tittella’ fil-Kwartieri tal-APS fis-Swatar, Birkirkara. Il-wirja hi miftuħa għall-pubbliku bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa bejn it-8:30am u s-1:00pm, kif ukoll is-Sibt bejn it-8:30am u l-11:00am.

Dawk li jżuru l-wirja jistgħu wkoll jiġbru pubblikazzjoni relatata, imtella’ mis-Sur Kevin Casha u ppubblikata mill-Bank APS.