Lokali

Open-Day fil-bini tal-Parlament l-ġdid

Is-Sibt kienet l-ewwel ġurnata minn jumejn ta’ Open-Day fil-bini tal-Parlament l-ġdid. Bini li għal ewwel darba fl-istorja ta’ Malta qiegħed jara l-ogħola istituzzjoni fid-demokrazija Maltija b’bini mibni u disinjat speċifikament bħala parlament.

Kienu bosta n-nies li żaru l-bini tal-parlament fl-ewwel jum ta’ l-Open-Day fejn b’hekk raw b’għajnejhom is-sit fejn qegħda ssir il-ħidma parlamentari. Fost l-affarijiet li setgħa jara l-pubbliku kien hemm il-wirja ta’ l-arti ‘Perspettivi’, inizjattiva b’risq l-arti Maltija liema wirja tinstab fl-uffiċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Spikka fl-Open-Day il-kuntrast bejn il-gvern u l-oppożizzjoni. Kienu bosta d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista li kienu preżenti, juru l-uffiċini tal-oppożizzjoni lil pubbliku u jitkellmu man-nies li żaru l-bini tal-Parlament.

Min-naħa l-oħra l-kmamar tal-gvern baqgħaw mgħaluqa u ma’ kienux aċċessibli għal pubbliku. Spikkat ukoll n-nuqqas ta’ preżenza tad-Deputati tal-Partit Laburista.

L-Open Day tkompli l-Hadd fejn bejn id-disgħa u nofs u l-ħdax ta’ filgħodu ser ikun preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook ħeġġeġ lin-nies sabiex iżuru dan il-proġett. Proġett li kien disinjat mill-arkitet ta’ fama mondjali Renzo Piano li madwar id-dinja huwa magħruf għal uħud mill-isbaħ proġetti ta’ l-aħħar snin.