JUVENTUS……………..1
BARCELONA…………3
Barcelona rebħu ċ-Champions League għall-ħames darba fl-istorja tagħhom meta fil-finali b’Berlin għelbu lil Juventus bi skor ta’ 3-1. Grazzi għal dan is-suċċess il-Katalani daħlu fl-istorja hekk kif saru l-ewwel tim fl-istorja li qatt rebaħ it-‘Treble’ darbtejn. L-ewwel ‘Treble’ kienu rebħuh fl-2009 taħt it-tmexxija ta’ Pep Guardiola.
Dan kien staġun mill-aqwa għal Barcelona li rebħu l-kampjonat u ġimgħa qabel il-finali tal-bieraħ huma rebħu anke t-tazza tar-Re kontra Athletic Bilbao. Minkejja t-telfa li sofrew wieħed ma jistax ma jfaħħarx lil Juventus li wkoll kellhom staġun mill-aqwa u kienu wkoll pass ‘il bogħod milli jisru t-tieni tim Taljan fl-istorja li jirbaħ it-‘Treble’ imma quddiemhom sabu tim qawwi li kien ilu ma jirbaħ din it-tazza sa mill-2011. Għall-kowċ Luis Enrique id-debutt tiegħu f’dan l-istaġun fuq il-bank ta’ Barcelona ma setax kien aħjar u issa Barcelona għandhom ċans jirbħu tazza oħra meta f’Awwissu li ġej jilagħbu fil-finali tal-UEFA Super Cup kontra r-rebbieħa tal-Europa League, Sevilla.
Juventus għal darba oħra reġgħu ħarġu fuq in-naħa telliefa f’finali ta’ din il-kompetizzjoni u fil-fatt issa saru l-aktar tim fl-istorja li qatt tilef finali taċ-Champions League. B’kollox il-Bianconeri tilfu sitt finali.
Ta min jinnota li Morata ta’ Juventus sar ir-raba’ plejer fl-istorja li lagħab f’żewġ finali konsekuttivi ma’ żewġ timijet differenti wara li sena ilu lagħab fil-finali ma’ Real Madrid.
Minn naħa tiegħu il-midfielder Xavi, li daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima sar l-aktar plejer li qatt lagħab f’din il-kompetizzjoni b’total ta’ 151 dehra.
Barcelona ħarġu jattakkaw u kienu għaddew biss erba’ minuti meta fetħu l-iskor. F’azzjoni orekstrata minn Messi, Alba, Neymar u Iniesta kien il-midfielder RAKITIC li skurja mill-viċin. Ta min jinnota li l-gowl ta’ Rakitic kien it-tielet l-aktar gowl veloċi fl-istorja tal-finali taċ-Champions League.
Wara dan il-gowl Barcelona komplew jiddominaw u kien biss il-gowlkiper Buffon li żamm it-tim tiegħu fil-partita b’diversi saves mill-aqwa. Madankollu hekk kif beda jgħaddi l-ħin it-Taljani bdew deħlin fil-logħba u 10 minuti mill-bidu tat-tieni taqsima ġabu d-draw.
Dan meta Marchisio għadda l-ballun bit-takkuna lejn Lichsteiner li minn naħa tiegħu lagħab lejn Tevez li fajjar xutt u l-gowlkiper ter Stegen ma żammx il-ballun biex mir-rebound MORATA tefa’ l-ballun fix-xibka għal skor ta’ 1-1.
Minn hawn ‘il quddiem ir-ritmu tal-logħba żied ħafna u fit-68 minuta kienu Barcelona li reġgħu marru fil-vantaġġ. L-attakkant Lionel Messi, li kellu logħba kemmxejn kwieta, impenja lil Buffon b’xutt fil-baxx u mir-rebound Luis SUAREZ għamel l-iskor 2-1.
Minuti wara dan il-gowl Barcelona ħasbu li marru 3-1 minn fuq meta Neymar gġeleb lil Buffon b’daqqa ta’ ras imma l-gowl kien imħassar ġustament minħabba li ħabat ma’ idu qabel spiċċa fix-xibka. Madankollu l-istess NEYMAR xorta waħda sab ix-xibka, proprju fl-aħħar minuta meta daħal fil-kaxxa u spara xutt li ma ta l-ebda ċans lil Buffon biex b’hekk issiġilla dan it-titlu għal Barcelona
//= $special ?>

