Irrid immexxi Gvern li jnaddaf il-politika, fejn il-Ministri jġibu ruħhom skont l-ogħla standards, fejn Ministri ma jdaħħlux lin-nisa tagħhom jaħdmu mal-Gvern b’paga ta’ €13,000 fix-xahar. Irrid Gvern li ma jonfoqx il-flus pubbliċi bl-addoċċ biex jagħmel sinjuri lill-ftit nies li jrid hu, imma li l-ġid jitqassam b’mod ġust ma’ kulħadd. Irrid immexxi Gvern b’politika trasparenti, li tirrispetta l-ambjent u l-ġid komuni. Fil-politika għandna nkunu biex inservu, u mhux biex nisservew, mhux biex naħsbu għall-ftit imma biex naħsbu għall-ħafna, mhux biss biex naħdmu għan-nies illum, iżda biex naħsbu fit-tfal u t-tfal tat-tfal tagħna.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 li saret mill-ġurnalista Claire Mifsud fi tmiem ġimgħa li ġew żvelati l-iskandlu ta’ Strada Zekka u d-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Muscat li jbaxxi l-istandards tal-Ministri fil-Kodiċi tal-Etika.
Fl-iskandlu ta’ Strada Zekka, teżisti riħa qawwija ta’ korruzzjoni
Mistoqsi dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li taħt dan il-Gvern, qed joħorġu wisq każi ta’ ħmieġ u korruzzjoni. “Il-Gvern m’għandux limitu ta’ kemm jista’ jinżel fil-baxx, u minflok race to the top, qed jagħmel race to the bottom,” qal Simon Busuttil. Hu spjega li l-iskandlu ta’ Strada Zekka rnexxielu jġib l-iskandlu ta’ Cafe’ Premier jidher bħala wieħed żgħir, filwaqt li spjega kif kull fejn ikun hemm Joseph Muscat, dejjem ikun hemm xi tip ta’ ħadma.
B’mod speċifiku dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka, Simon Busuttil qal li teżisti riħa ta’ korruzzjoni, u dan peress li individwu sar miljunarju mill-lejl għan-nhar mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Filwaqt li ddeskriva dan l-iskandlu bħala ‘oxxenita’, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan l-iskandlu mill-bidu sal-aħħar.
Il-bidliet fil-Kodiċi tal-Etika jiftħu bieb għall-abbuż u l-korruzzjoni
Il-bidliet fil-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li ġew żvelati mill-media din il-ġimgħa jiftħu bieb għall-abbuż u l-korruzzjoni. B’referenza għat-tneħħija tal-obbligu li n-nisa u l-irġiel tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jiddikjaraw l-assi tagħhom, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hija ċavetta għall-korruzzjoni, għaliex Ministri u Segretarji Parlamentari li jridu jixxaħħmu, jistgħu jagħmlu dan billi jitfgħu l-assi tagħhom fuq in-nisa u l-irġiel tagħhom.
Simon Busuttil qal li meta Gvern ibiddel il-Kodiċi tal-Etika tal-Kabinett, wieħed jistenna li jagħmel dan biex jgħolli l-istandards tal-politiċi, mhux biex idgħajjifhom. Hu rrefera wkoll għall-klawżola fil-Kodiċi tal-Etika li permezz tagħha, issa saret possibli Ministru jkun Ministru u fl-istess ħin jibqa’ jaħdem fil-privat.
Jekk hemm frodi fil-każ ta’ Mater Dei, għandha tintrefa r-responsabbiltà
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-każ tal-konkos fl-Isptar Mater Dei, fejn spjega li f’dan il-każ ukoll, il-Gvern ma jridx li toħroġ il-verità, iżda moħħu biss biex iħammeġ lil ħaddieħor. Filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu għal dan il-każ, hu qal li jekk jinstab li ntuża konkos ħażin f’xi binja tal-Isptar Mater Dei, għandha tintrefa r-responsabbiltà minn min għamel ħażin, jiġifieri minn min provda l-konkos u minn min iċċertifikah. “Jekk hemm frodi, jekk jemm reat kriminali, għandha tintrefa r-responsabbiltà”, qal Simon Busuttil.
Madanakollu, l-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh u għal xi raġuni, għadu mhux ifittex lill-kumpaniji li provdew il-konkos u li ċċertifikawh. “Nispera li l-Gvern se jfittex lil min hu responsabbli għal dawn il-€35 miljun,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu spjega kif il-Gvern qed iqarraq meta jgħid li ma jista’ jagħmel xejn kontra dawk il-kumpaniji.
Dwar l-inkjesta li ħatar il-Gvern, Simon Busuttil qal li din mhix indipendenti għaliex hija mmexxija minn eks Deputat Laburista li Joseph Muscat poġġieh f’bosta bordijiet pubbliċi u anke jmexxi bordijiet tal-Partit Laburista, u l-istess persuna daħħal lit-tifel tiegħu, li hu Viċi Sindku Laburista, fl-istess inkjesta.
Simon Busuttil qal li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistenniex lil-Gvern joħloq paraventu u jkompli jkaxkar saqajh f’dan il-każ. “Madanakollu, ma tistenna xejn aħjar minn Ministru li daħal fil-politika biex jagħti lill-martu €13,000 fix-xahar u li mar bil-moħbi l-Ażerbajġan u li bl-indħil tiegħu fix-xiri taż-żejt, il-poplu Malti u Għawdxi tilef €14-il miljun.”
Id-deċiżjoni ta’ Muscat li jibni fiż-Żonqor mhux fl-interess nazzjonali, imma biex jaġevola lil xi ħadd
L-insistenza tal-Prim Ministru li jibni fiż-Żonqor żgur li mhix fl-interess nazzjonali, iżda qed issir biex jiġi aġevolat xi ħadd. Ġimgħa wara attività fiż-Żonqor, li għaliha attendiet folla numeruża, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għalfejn il-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li jibni fiż-Żonqor. “Ta’ min hi din l-art? Lil min irid jaġevola Joseph Muscat? Għalfejn dan in-nuqqas ta’ trasparenza? Għalfejn mhux jippublika l-kuntratti li ffirma?”
Simon Busuttil spjega kif il-Gvern mhuwiex ikun trasparenti u lest li jirrovina l-ambjent. Hu qal li din id-deċiżjoni hija ħadma fuq numru ta’ livelli, fosthom fuq il-livell ambjentali, dak tal-edukazzjoni u tat-trasparenza. “Lill-Prim Ministru diġà għetlu li jekk irid jirrovina ż-Żonqor, l-ewwel irid li jgħaddi minn fuqna,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jiddefendi l-ambjent u ż-Żonqor, filwaqt li qal li l-Partit Nazzjonalista jirrokonoxxi fejn m’għamilx tajjeb biżżejjed, u lest li jitgħallem mill-iżbalji.
Dwar l-aspett edukattiv, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament biex tiġġieled l-Avviż Legali li jbaxxi l-istandards tal-edukazzjoni biex jiġi aġevolat xi ħadd. “Id-deċiżjoni tal-Gvern hija ħażina għal kull min gradwa mill-Università ta’ Malta, għal kull min qiegħed jistudja llum, u anke għal kull min għad jistudja fl-Università.”
Rosette Thake se tiffoka fuq l-organizzazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Rosette Thake bdiet bil-ħidma tagħha bħala Segretarju Ġenerali ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Rosette Thake qed terfa’ r-responsabbiltà f’mument li fih il-Partit Nazzjonalista jrid jiffoka l-ħidma tiegħu fuq it-tħejjija għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. “Rosette Thake għandha biċċa xogħol kbira, imma għandha l-kwalitajiet ta’ amministrazzjoni u ċert li se tagħmel biċċa xogħol tajba,” qal Simon Busuttil. Hu rringrazzja lil Chris Said għall-ħidma tiegħu fl-aħħar sentejn, li issa se jkun qed jiffoka esklussivament fuq Għawdex.
//= $special ?>

