Lokali

Il-Gvern fi ftehim ma’ Magħtab Construction għall-iżvilupp tal-Ponta taż-Żonqor

Il-kumpanija tal-kostruzzjoni Magħtab Construction jidher li għandha l-assigurazzjoni tal-Gvern li kemm-il darba l-proġett ta’ bini ta’ università fil-Ponta taż-Żonqor javvera ruħu, allura tkun hi li tikkoordina x-xogħlijiet kollha meħtieġa billi, fost l-oħrajn, tifforma konsorzju b’numru ta’ kumpaniji li jkunu interessati li jidħlu għal dan il-proġett massiċċ li jkun qiegħed jhedded serjament l-ambjent fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Il-kumpanija Magħtab Construction matul din il-ġimgħa kienet fl-aħbarijiet wara li flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji oħra ssemmiet fir-Rapport ta’ Inkjesta ta’ Philip Sciberras dwar konkos difettuż għall-bini tal-Isptar Mater Dei.

Inċidentalment il-kumpanija Magħtab Construction kienet ukoll il-kumpanija ewlenija fil-bini taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Wara kuntatti ma’ sorsi mill-aktar intiżi, il-mument illum jista’ jiżvela kif Magħtab Construction – li fost id-Diretturi ewlenin tagħha għandha lil Dennis Baldacchino u Andrew Baldacchino li huma familjari wkoll mal-laqgħat fir-Raba’ Sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet – għandha l-kelma ta’ rjus kbar fil-Gvern Laburista li kemm-il darba l-Gvern jegħleb l-ostakolu tal-opinjoni pubblika kontra r-rovinar taz-zona ODZ fil-Ponta taż-Żonqor u jirnexxielu jimbarka fuq dan il-proġett kbir, allura tkun hi li b’xi mod tingħata l-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett.

Fil-fatt mill-informazzjoni li għandu il-mument jirriżulta li kumpaniji oħrajn diġà bdew ikunu avviċinati biex jekk huma interessati f’dan il-proġett skont in-natura tas-servizzi li jipprovdu, allura jingħaqdu huma wkoll f’dan il-konsorzju biex jaħdem fuq dan il-proġett.

Hemm għarfien kbir li l-proġett fil-Ponta taż-Żonqor hu wieħed kbir ħafna u għalhekk biex dan jirrealizza ruħu għandu bżonn is-servizzi mhux ta’ kumpanija kbira waħda, iżda ta’ konsorzju ta’ kumpaniji li lkoll flimkien jaħdmu skont il-kapaċitajiet tas-servizzi li joffru.

Kumpanija partikulari li kienet fost dawk direttament kuntattjati biex tinvolvi lilha nnifisha f’dan il-konsorzju qalet lil il-mument li l-pjani tal-Gvern huma ċari ħafna tant li anki lill-Ġordaniżi fin-negozjati u t-taħditiet, il-Gvern wiegħedhom art kbira bħal dik fil-Ponta taż-Żonqor u viċin il-baħar.

Li jidher li ma kkalkulax sew il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu li dan il-proġett enormi kien se jkun qiegħed isir fuq zona ODZ u ħa ħasibx li l-opinjoni pubblika se tkun daqstant viġilanti kontra tiegħu.

Issa aktar kmieni din il-ġimgħa kien pubblikat ir-Rapport ta’ Inkjesta minn Philip Sciberras li fih, fost l-oħrajn, isib erba’ kumpaniji tal-kostruzzjoni b’xi mod ħatja li fornew konkos difettuż waqt il-bini tal-Isptar Mater Dei – Mixer Limited, Blokrete Limited, Devlands Limited u Magħtab Construction Limited.

Tajjeb li jingħad li invista ta’ dak ir-Rapport ta’ Inkjesta, Chris Fearne, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, ikkummenta li l-Gvern ma jeskludix li l-kumpaniji lokali li pprovdew konkos difettuż għall-Isptar Mater Dei jkunu blacklisted u allura ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f’kuntratti tal-Gvern. Qal li dwar dan il-Gvern se jieħu l-parir tal-Avukat Ġenerali.

Naturalment dan id-diskors japplika wkoll għall-kumpanija Magħtab Construction Limited u għalhekk kellha kull raġun Claudette Buttigieg, ix-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Saħħa, tikkummenta li b’dak li qal Chris Fearne, il-Gvern kien qiegħed iżomm il-bieb miftuħ għall-erba’ kumpaniija msemmija – Mixer Limited, Blokrete Limited, Devlands Limited u Magħtab Construction Limited – biex jibqgħu jingħataw kuntratti tal-Gvern, u saħansitra m’eskludiex li dawn jinkludu l-kuntratt biex isewwu l-konkos difettuż li taw huma stess.

F’kumment dwar dan lil il-mument hi qalet li d-dikjarazzjoni li għamel f’nofs din il-ġimgħa Chris Fearne hi waħda gravi ħafnali turi li l-Gvern Laburista sar avukat difensur ta’ dawn l-erba’ kumpaniji li wħud minnhom għandhom rabtiet mill-qrib mal-Partit Laburista.

Waħda għandha rabta diretta ma’ dak li l-Prim Ministru ħatru bħala konsulent personali, oħra għandha qraba involuti direttament fil-Partit Laburista, u oħra saħansitra bniet iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Hi temmet li l-Gvern Laburista qed jara x’se jagħmel biex ma jfittixx lil dawn l-erba’ kumpaniji għad-danni biex il-kont ta’ €35 miljun, kif qed jammetti l-Gvern stess, jitfgħu fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Sadattant is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li l-kumpanija Magħtab Construction Limited hi ben vista ħafna mill-Gvern Laburista u llum hi fost l-aktar li tingħata xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Hemm ukoll min jgħid li Magħtab Construction Limited hi b’xi mod ukoll involuta fl-iżvilupp possibbli ta’ boutique hotel fejn qabel kien hemm dak li hu magħruf bħala l-Palazz l-Aħmar fil-Marfa.