Il-Partit Laburista għandu jirtira l-Avviż Legali li jbaxxi l-istandards fl-edukazzjoni
Kull darba li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern, l-istudenti dejjem ikunu vittmi tiegħu, u l-awtoritajiet jispiċċaw puppets on a string.
Fi stqarrija b’reazzjoni għad-diskors ta’ Joseph Muscat fuq ir-radju Laburista, il-Partit Nazzjonalista saħaq li, l-aħħar darba li kien fil-Gvern, il-Partit Laburista kien żarma l-MCAST, waqqaf l-istipendju lill-istudenti, xekkel lill-Università ta’ Malta fit-tkabbir tagħha u lanqas kien joħlom fil-pluraliżmu fis-settur tal-edukazzjoni. Issa, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, il-Partit Laburista fil-Gvern qed ibaxxi l-istandards tal-edukazzjoni f’kull qasam u qed jagħmel dan mingħajr ebda konsultazzjoni mal-għalliema, mal-istudenti u mal-amministratturi tal-istituzzjonijiet edukattivi. Għal Muscat, l-edukazzjoni hija biss business. Għal Muscat, il-pluraliżmu fl-edukazzjoni tfisser biss aktar flus.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma kellux bżonn ibaxxi l-istandards tal-edukazzjoni biex jiftaħ is-settur tal-edukazzjoni għall-pluraliżmu. Bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, l-istudenti Maltin sabu l-opportunità jkomplu l-istudju tagħhom kemm fuq livell akkademiku kif ukoll fuq livell vokazzjonali, kemm f’istituzzjonijiet Maltin kif ukoll f’istituzzjonijiet barranin li stabbilew rwieħhom f’Malta. Taħt il-Partit Nazzjonalista, l-Università ta’ Malta kibret fin-numru ta’ korsijiet, fin-numru ta’ studenti kif ukoll fil-faċilitajiet li toffri. Ġie mwaqqaf l-MCAST għall-benefiċċju tal-istudenti li jagħżlu studju vokazzjonalist li jista’ jwassal ukoll għal degree.
Għall-Partit Nazzjonalista, l-edukazzjoni hija l-preżenti u l-futur tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għall-Partit Nazzjonalista, l-edukazzjoni hija investiment fil-Maltin u l-Għawdxin, u mhux fil-bwiet tal-kuntratturi barranin.
Jekk hemm xi ħaġa li għandha tiġi rtirata, huwa l-Avviż Legali li daħħal il-Gvern mingħajr konsultazzjoni ma ħadd mill-istakeholders. Dan huwa avviż legali li jbaxxi l-istandards fl-edukazzjoni għolja u jdawwar l-edukazzjoni f’arma kummerċjali.
Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li d-deċiżjoni ta’ Muscat biex jibni fiż-Żonqor hija ħadma mill-bidu sal-aħħar : kemm mil-lat ambjentali, kemm mil-lat edukattiv, kif ukoll mil-lat tat-trasparenza.
//= $special ?>