Lokali

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat l-Oppożizzjoni għadha tirtira l-mozzjoni li ressqet fil-Parlament biex temenda l-Avviz Legali

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat l-Oppożizzjoni għadha tirtira l-mozzjoni li ressqet fil-Parlament biex temenda l-Avviz Legali 150. L-Avviz Legali 150 sar sabiex ikunu rrangati r-regoli li bihom Universita’ tkun aċċettata f’pajjiżna.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ssostni li l-avviż legali li ressaq il-Gvern ibaxxi l-kriterji li bihom jingĦata t-titlu ta’ universita’ u kien gĦalhekk li l-Oppożizzjoni qed tipproponi emendi sabiex jinżammu l-kriterji li hemm bħalissa.

Dan minbarra li l-Oppożizzjoni qed tgħid li din hi l-ewwel darba li qed tidaħħal klawsola li tgħid li għandha tkun il-Kummissjoni Nazzjoali dwar l-Edukazzjoni Għolja li għandha tiddeċiedi jekk titlu ta’ Universita’ għandux jingħata jew le. Entita li hi appuntata mill-Gvern u li preżentament hi mmexxija minn Martin Scicluna.

Iżda waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista l-Mexxej Laburista qal li l-Oppożizzjoni għandha tisma minn dak li qed jgħid Martin Scicluna li jmexxi l-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni Għolja.

Joseph Muscat qal wkoll li għalhekk jekk l-Oppożizzjoni tirrispetta l-opinjoni ta’ Scicluna, għandha tirtira l-mozzjoni.

Fil-jiem li għaddew Martin Scicluna ċaħad li minn dak propost mill-Gvern se jkun hemm tnaqqis fil-livelli ta’ dak rikjest biex entita edukattiva tisejjaħ Universita’.

Din il-kwistjoni hi marbuta mal-proġett li l-gvern irid jagħmel fiż-Żonqor f’Marsascala billi jibni Univerista’ Amerikana, ta’ investituri mill-Gordan. Iżda minn naħa tiegħu l-Kap tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni Għolja qed jiċħad li l-Avviz legali 150 li ressaq il-Gvern, tressaq biex jakkomoda lil min irid jibni din l-Universita’ Amerikana.

Waqt l-intervista li kellu l-Mexxej Laburista tkellem wkoll dwar l-immigrazzjoni fejn sostna li jippreferi li pajjiżna jkollu immigranti ġejjin minn pajjiżi oħra b’mod legali, kif iddeċidiet il-Kummissjoni Ewropea milli jkolli oħrajn deħlin bil-laneċ b’mod illegali.

Bhala reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li jekk hemm xi ħaġa li għandha tigi rtirata, huwa l-Avviż Legali li daħħal il-Gvern mingħajr konsultazzjoni ma ħadd mill-istakeholders.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif l-ahhar darba li kien fil-Gvern, il-Partit Laburista kien żarma l-MCAST, waqqaf l-istipendju lill-istudenti, xekkel lill-Università ta’ Malta fit-tkabbir tagħha. Issa, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, il-Partit Laburista fil-Gvern qed ibaxxi l-istandards tal-edukazzjoni f’kull qasam u qed jagħmel dan mingħajr ebda konsultazzjoni. Għal Muscat, tkompli tgħid l-istqarrija l-edukazzjoni hija biss business. Għal Muscat, il-pluraliżmu fl-edukazzjoni tfisser biss aktar flus.