Is-single parents li fil-preżent qed jirċievu l-għajnuna soċjali jlaħħqu 5,184.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, meta wieġeb mistoqisjiet li saru mid-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, li staqsa kemm huma s-single parents f’Malta li jirċievu l-benefiċċji li huma ntitolati għalihom u kemm jammonta globalment dan il-benefiċċju fuq in-nefqa totali tal-benefiċċji soċjali.
Jirriżulta li għax-xahar ta’ April ta’ din is-sena, is-somma f’għajnuna soċjali laħqet iċ-ċifra ta’ €2,237,818 (3.75% tan-nefqa totali tal-benefiċċji soċjali); l-għajnuna soċjali għal single parents €1,281,482 (2.15%); l-għajnuna soċjali tal-qgħad €1,396,045 (2.34%); u l-għajnuna medika laħqet is-somma ta’ €1,397,518 (2.34%)
L-ammont globali li tħallas fuq benefiċċji soċjali (inklużi kemm il-benefiċċji kontributorji kif ukoll dawk mhux-kontributorji) matul ix-xahar t’April 2015, kien ta’ €59,663,421.
Fil-każ ta’ allowance tat-tfal in-nefqa kienet ta’ €6,008,248 (10.07%) fil-perjodu bejn Jannar u April ta’ din is-sena.
Jirriżulta wkoll li mill-bidu tas-sena, l-ammont ta’ single parents li jirċievu l-benefiċċji soċjali naqas bi 371. Kienu 418-il single parent li daħlu f’sistema ta’ tapering.
//= $special ?>