Il-Front Ħarsien ODZ ilmenta b’mod formali mal-Awtorità tax-Xandir u mal-Public Broadcasting Services għal dik li sejjaħ bħala ċensura politika kontrih, u saħaq li l-istqarrijiet maħruġa minnu għandhom jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali.
Il-Front saħaq li mhux biss il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Front Ħarsien ODZ, ta’ nhar is-Sibt, ma ġietx irrappurtata fuq il-mezzi tax-xandir tal-istazzjon nazzjonali, fejn tħabbret protesta nazzjonali għall-20 ta’ Ġunju fl-10.30 ta’ filgħodu kontra l-bini tal-Università Amerikana f’Żonqor, imma talli wkoll ma ssemmew fl-ebda ħin id-dikjarazzjoni ta’ 7 għaqdiet ambjentali li appoġġjaw din il-protesta nazzjonali, u d-dikjarazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika li wkoll tat l-appoġġ tagħha.
Il-Front qal li l-aħbar ta’ protesta nazzjonali hi aħbar importanti għaċ-ċittadin li għandu d-dritt ikun jaf biha, biex b’hekk ikun jista’ jeżerċita d-dritt demokratiku tiegħu li jattendi. In-nuqqas min-naħa tal-PBS li jxandru din l-aħbar ġiet meqjusa għalhekk bħala ċensura politika.
Qiesu bħala ċensura wkoll il-fatt li ma ġietx irrappurtata l-ispjegazzjoni li taw l-għaqdiet ambjentali dwar għaliex qed jappoġġjaw il-protesta nazzjonali. Saħqu li l-għaqdiet huma parti importanti mis-soċjetà ċivili, kif inhu importanti partit politiku demokratiku.
Huma qalu li fl-ebda ħin fil-jum li ngħatat l-aħbar ma xxandar ebda rapport dwarha, la fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM, la fuq Radju Malta u lanqas fuq www.tvm.com.mt, minkejja li nstab ħin biex jiġu rrappurtati “aħbarijiet ta’ karattru trivjali”.
//= $special ?>