Lokali

BIL-FILMAT U RITRATTI : L-Arċisqof b’appell imqanqal liż-żgħażagħ waqt l-aħħar tislima lil Matthew Bartolo

“Il-ħajja għandha valur. Gawduha u kunu leali lejn xulxin. Għożżu l-ħbiberija ta’ bejnietkom u qatt tużaw lil xulxin. Kunu ta’ solidarjeta’ lejn xulxin, intom ta’ liema ideal jew każin tal-banda intom għaliex il-ħbiberija vera tagħmel il-ħajja tassew sabiħa imma qatt ma tafu kemm hi twila l-ħajja.”

Kien dan l-appell imqanqal tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li t-Tnejn wara nofsinhar mexxa’ l-aħħar tislima lil Matthew Bartolo fil-Knisja Parrokkjali San Leonardu Abbati ta’ Ħal Kirkop. Bartolo, żagħżugħ ta’ 17-il sena, il-Ħamis safa’ vittma ta’ inċident ikrah f’fabbrika tal-injam f’Ħal Luqa.

Ħal Kirkop waqaf f’tislima li għaqqdet lil persuni ta’ kull eta’ u fehma f’okkażjoni waħda ta’ sogħba għal din it-telfa. Il-Knisja ta’ Ħal Kirkop kienet ippakkjata bin-nies, b’mod speċjali żgħażagħ, li bdew jinġabru sa minn ferm qabel il-funeral biex isellmu lil Matthew tant li kellhom jintramaw numru ta’ televisions u sistema’ ta’ sound fuq iz-zuntier tal-Knisja u fil-pjazza għal dawk li ma laħqux post. Bukketti tal-fjuri minn kull għaqda f’Ħal Kirkop, u numru ta’ familji oħra, żejnu z-zuntier tal-knisja.

Fil-messaġġ tiegħu l-Arċisqof Scicluna tkellem dwar il-valuri li kellu Matthew, li ddeskrivieh bħala persuna li kien kapaċi joħlom, u li dak li kien joħlom kien jirnexxielu jwettaq. Fakkar li minbarra t-talenti li kellu, kien kapaċi wkoll fil-filming, imma sfortunatament il-film dwar ħajtu fuq din l-art kien qasir wisq. Minkejja dan, l-Arċisqof dar lejn dawk preżenti u fakkar li dawk preżenti attendew għal din it-tifkira għaliex jemmnu li Alla sejjaħlu bħala żagħżugħ biex jikseb żogħżija eterna.

Filwaqt li esprima dieqa għal ħajja mitlufa ta’ żagħżugħ waqt ix-xogħol, ħidma biex ikun jista’ jwettaq il-ħolm tiegħu, l-Arċisqof Scicluna sellem liż-żgħażagħ u appellalhom: “Anke’ jekk sempliċiment tiktbu post fuq l-internet, użaw kliem sabiħ. Ibnu relazzjoni personali lil hinn mill-internet bħal Matthew, li sab ħbieb u ħa l-opportunita’ li jwettaq il-volontarjat biex iħaddem il-valuri tiegħu.”

U f’appell ieħor, din id-darba lejn dawk kollha preżenti, l-Arċisqof Scicluna staqsa jekk kull nhar ta’ Ħadd il-knisja ta’ Ħal Kirkop tkunx mimlija daqs illum. “Hemm bżonn Matthew biex isejħilna quddiem il-Mulej? Ieqfu għal ftit u aħsbu dwar il-messaġġ li qed jgħaddilkom illum Matthew,” appella l-Arqisqof.

Dawk preżenti, kif mitlub mill-familja ta’ Matthew, libsu l-abjad u l-blu, il-kuluri ta’ San Ġużepp, il-qaddis li kien tant għal qalb Matthew Bartolo.

Attenda wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kif ukoll numru ta’ deputati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista f’ġest ta’ rispett u solidarjeta’ mal-familja Bartolo.

funeral matthew bartolo