Il-President Tork Tayyip Erdogan sofra disfatta kbira fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar il-Ħadd. Dan wara li l-partit tiegħu, l-AKP, wara 13-il sena fil-poter tilef il-maġġoranza u mhux se jkun jista’ jiggverna waħdu.
Dawn kienu wkoll elezzjonijiet li għall-ewwel darba wasslu biex fil-Parlament Tork se jkun hemm partit tal-Kurdi.
Dawn l-elezzjonijiet kienu importanti għal Erdogan għaliex hu kien qed jippjana li jagħmel bidla radikali fis-sistema politika tal-pajjiż u minflok sistema parlamentari, tkun waħda presidenzjali bil-qafas tal-poter f’idejn il-President. Imma biex jagħmel dan, ried ikollu żewġ terzi tal-Parlament f’idejh.
L-AKP xorta baqa’ l-ikbar partit fil-pajjiż imma ma jistax imexxi waħdu peress li spiċċat il-maġġoranza li kien ilu jgawdi fil-Parlament. Barra minn hekk, id-dominanza tax-xena politika minn Erdogan issa jidher li spiċċat.
Filwaqt li fl-aħħar elezzjoni simili fl-2011, l-AKP kien rebaħ 50 fil-mija tal-voti, nhar il-Ħadd il-partit kiseb biss 40.80 fil-mija, u tul dawn l-aħħar erba’ snin Erdogan tilef tliet miljun vot u 71 siġġu fil-Parlament.
Sorpriża kbira kienet ir-rebħa tal-HDP, partit Kurd li nħoloq minħabba l-protesti kbar li kien hemm kontra t-tmexxija ta’ Erdogan fl-2014.
Issa se jkun hemm bżonn li l-AKP joħloq koalizzjoni tal-Gvern imma ebda partit ma wera r-rieda li jissieħeb miegħu, u hemm il-possibbiltà li l-partiti tal-Oppożizzjoni jippruvaw jiffurmaw gvern bejniethom. Imma Numan Kurtulmus, wieħed mill-ħames Deputati Prim Ministri, wissa li ma jista’ jkun hemm ebda gvern mingħajr il-preżenza tal-AKP.
Hekk kif jitħabbar uffiċjalment ir-riżultat, l-AKP se jkollu 45 ġurnata biex joħloq gvern. Kurtulmus ma eskludiex li jekk ma jkunx hemm soluzzjoni, tissejjaħ elezzjoni ġenerali oħra.
Disfatta kbira għal Erdogan
