Lokali

Dylan Muscat jirbaħ il-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija – ta’ kuljum jieħu ħsieb lill-ħabib tiegħu

Iż-żagħżugħ Dylan Muscat, ta’ 13-il sena minn Wied il-Għajn, rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija, organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi.

Iż-żagħżugħ, li hu studenti tal-Form 2 fl-iskola St Thomas Moore tal-Ħamrun, ta’ kuljum jieħu ħsieb lill-ħabib tiegħu Kyle Agius, ta’ 14-il sena li għandu sfidi ta’ komunikazzjoni.

Dylan kien ilu jaf lil Kyle minn meta Kyle kien fis-sitt sena tal-iskola primarja. Dylan kien għamel ħiltu biex Kyle ma jinqatax waħdu u biex jintegra ma’ tfal oħra tant li kien ikun miegħu fil-break tal-iskola u jgħinu anke fl-istudji tiegħu.

Wara li kien spiċċa l-iskola primarja, Dylan kien ġie aċċettat biex jidħol fi skola tal-Knisja imma rrifjuta li jmur biex ma jinfiridx minn ma’ Kyle. Baqa’ tiela’ fl-iskola statali tal-kulleġġ St Thomas Moore biex jibqa’ ma’ Kyle u jgħinu kemm jista’ fl-istudji u fil-ħajja soċjali tiegħu.

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, waqt ċerimonja fil-Palazz fil-Belt Valletta, ippreżentat il-premju lil Dylan Muscat u ddeskrivietu bħala premju ta’ mħabba fejn iż-żagħżugħ iċċaħħad minnu nnifsu u ddedika b’imħabba, ħinu u l-isforzi kollha tiegħu biex jgħin lil ħaddieħor.

Fissret ukoll li Dylan jixhed valuri kbar li huma riflessjoni tat-trobbija mogħtija lilu mill-ġenituri tiegħu. Iddeskrivietu bħala żagħżugħ li għandu qalbu mimlija b’imħabba u li jagħżel il-pożittiv min-negattiv.

Il-President ta’ Malta rringrazzjat ukoll lil Patri Dijonisju Mintoff li għall-aħħar 41 sena ħa l-inizjattiva biex tiġi ppremjata t-tjubija fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Faħħret lil-Laboratorju tal-Paċi, li baqa’ jissielet biex jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ individwi u komunitajiet.