Lokali

Fl-iskandlu ta’ Strada Zekka, “the buck stops with the Prime Minister” – il-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab mir-responsabbiltà li għandu bħala Prim Ministru u anke bħala Ministru tal-Artijiet dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka. Il-ġimgħa li għaddiet, meta faqqa’ l-iskandlu, Muscat qal li se jkun trasparenti. Ovvjament, ħadd ma emmen li Muscat jista’ jkun trasparenti u ftit jiem biss wara, il-ġurnal The Times of Malta qed jgħid li l-Prim Ministru ma jridx iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar dan l-istess skandlu.

Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja. Azzopardi staqsa jekk hux verament Muscat, kif qal il-ġimgħa li għaddiet, ma kienx involut f’dan l-iskandlu u allura għalfejn mhux iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Sostna li issa qed jirriżulta wkoll li f’dan l-iskandlu hemm involut l-Uffiċjal Clint Scerri, li jaħdem f’Kastilja. Scerri hu żagħżugħ ta’ 23 sena u hu ovvju li dak li għamel m’għamlux minn jeddu, iżda għax kellu ordni diretta minn fuq.

Ix-Shadow Minister sostna li dan hu ħmieġ b’riħa tinten ta’ korruzzjoni, tant li fil-jiem li ġejjin, dan l-iskandlu mistenni jkompli jikber. Jason Azzopardi fakkar li għall-ewwel darba fl-istorja mill-Indipendenza ‘l hawn, il-Prim Ministru għażel, għal tal-apposta, li jżomm id-Dipartiment tal-Artijiet taħtu. L-akbar tliet skandli ta’ din il-leġiżlatura seħħew fid-Dipartiment tal-Artijiet, immexxi minn Muscat: ta’ Strada Zekka, tal-Cafe’ Premier u tal-Australia Hall.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura Ryan Callus sostna li l-istqarrija li ħareġ aktar kmieni llum is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon hi għal kollox fażulla. Staqsa kif tista’ Kastilja tinvestiga lil Kastilja, filwaqt li spjega li l-investigazzjoni imqabbda minn Kastilja hi paraventu għax filwaqt li l-Awditur Ġenerali jirrapporta lill-Parlament, dik ta’ Kastilja tirrapporta lill-Kastilja stess.

Ryan Callus fakkar li l-ġimgħa li għaddiet, l-istess Michael Falzon, qal li f’dan l-iskandlu ntużaw il-proċeduri normali. Sostna li Michael Falzon qal li m’hemmx bżonn issir investigazzjoni. Madankollu, ġimgħa wara, l-istess Michael Falzon talab lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) biex jinvestiga d-Dipartiment li jaqa’ taħt l-istess OPM. Ryan Callus staqsa għaliex Michael Falzon biddel il-verżjoni mill-lum għal għada. Spjega li f’dan l-iskandlu, il-Gvern għamel lil persuna tal-għażla tiegħu miljunarju mil-lum għal għada.