Lokali

Id-dewmien tal-Gvern fl-amministrazzjoni ta’ Fond għal Għajnuna Ewropea huwa inaċċettabbli – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-gvern biex mill-iktar fis possibli jindirizza l-konfużjoni li teżisti fl-amministrazzjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD).

Dan il-Fond huwa mmirat li jkun ta’ appoġġ lil dawk l-iktar vulnerabbli. Malta għandha tirċievi madwar €4 miljun għall-perjodu 2014-2020 iżda l-gvern għad irid jiffinalizza d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-programm il-ġdid.

Ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola qalet li huwa inaċċettabbli l-gvern qed jipprova jitfa l-ħtija ta’ dan id-dewmien fuq dipartimenti differenti jew li jipprova jwaħħal fuq il-burokrazija. Hija saħqet li dan huwa inaċċettabbli l-iktar fid-dawl tal-fatt li dan il-programm għandu l-għan li jtaffi t-tbatija ta’ dawk li huma l-iktar milquta minn diffikultajiet f’pajjiżna.

Roberta Mtesola tfakkar li l-gvern ta’ Joseph Muscat ma sabx l-ostaklu tal-burokrazija meta ta art mhux żviluppata lill-ispekulaturi jew meta pagi mħallsa mit-taxxi tal-poplu lil ta’ madwaru iżda ma kienx kapaċi jaġixxi fil-ħin biex jgħin lil dawk li huma l-iktar fil-bżonn.

Fl-istess stqarrija l-Ministru tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici fakkret li dan id-dewmien qed jaffettwa lil numru kbir ta’ familji li kienu jiddependu fuq dan il-Fond u qalet li għadu mhux ċar meta se terġa’ tibda titqassam l-għajnuna tal-programm il-ġdid anke fid-dawl tal-fatt li teżisti inċertezza dwar min hu responsabbli minn dan il-Fond.

Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-Gvern għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jassigura li s-sitwazzjoni tinbidel mingħajr dewmien għall-ġid ta’ dawk l-iktar fil-bżonn.