F’referendum li sar il-Ħadd fil-Lussemburgu, il-maġġoranza tal-elettorat ivvutat kontra żewġ bidliet importanti li kienu qed ikunu proposti għas-sistema elettorali fil-pajjiż, jiġifieri li jingħata d-dritt tal-vot lill-barranin u li l-età meta wieħed jista’ jivvota titnaqqas minn 18 għal 16-il sena.
Fir-referendum, 78.02 fil-mija qalu li kienu kontra li l-vot jingħata lil dawk il-barranin li jkunu għexu fil-Lussemburgu għal tal-anqas għaxar snin u jkunu vvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Fil-Lussemburgu, 45 fil-mija tal-popolazzjoni huma barranin. Aktar mill-260,000 barrani huma minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u l-Portugiżi u t-Taljani huma l-akbar grupp.
Maġġoranza akbar, 80.87 fil-mija, ivvutaw kontra li d-dritt tal-vot minflok ta’ 18-il sena jingħata ta’ 16-il sena. Dan kemm għall-elezzjoni ġenerali, kif ukoll għal dawk lokali, tal-Parlament Ewropew u r-referendi.
L-elettorat ivvota wkoll kontra, b’69.93 fil-mija, li jkun hemm limitu ta’ għaxar snin fuq kemm jista’ jservi ministru.
Il-Prim Ministru tal-Lussemburgu Xavier Bettel qal li dan kien sinjal ċar tar-rieda tal-poplu u li kien se jirrispettah. Dan hekk kif fil-pajjiż qed issir reviżjoni tal-Kostituzzjoni.
Il-Gvern ta’ Bettel, koalizzjoni bejn il-Liberali, is-Soċjalisti u l-Ħodor, kien qed imexxi kampanja għal vot favur.
L-Arċisqof Jean Claude Hollerich, il-Kap tal-Knisja Kattolika fil-Lussemburgu, kien stqarr li hu kien kontra dawn il-bidliet.
Minkejja r-referendum tal-Ħadd, il-Gvern qed jippjana li jorganizza referendum fl-2017 dwar il-pjani għal riforma kostituzzjonali.
//= $special ?>