Missier Musulman, ta’ 34 sena, intbagħat il-ħabs fir-Renju Unit u ġie ordnat ma jersaqx lejn skejjel fil-lokalità tiegħu wara li kien vjolenti u abbuża verbalment minn żewġ kapijiet ta’ skola wara ġlieda minħabba l-leħja ta’ Musulmani.
Mohammad Liaqat mar fl-iskola Mount Carmel Roman Catholic High School f’Accrington fejn, għalkemm uliedu ma jattendux dik l-iskola u l-każ kien diġà magħluq, ħassu aggravat mid-deċiżjoni li kienet ħadet l-iskola, li żewġ żgħażagħ subien ta’ 14-il sena ntalbu jqaxxru l-leħja nkella ma jitħallewx imorru l-iskola.
Ir-raġel spiċċa jgħajjar b’mod razzist lill-għalliema ta’ ġilda bajda u għalkemm ġie ordnat iħalli l-bini tal-iskola, u iktar tard arrestat, ir-raġel mar fi skola oħra u nfexx jgħajjat hemm.
Beda jinsulenta lill-kap tal-iskola ta’ St Oswald’s RC Primary School, Jeff Brown, li meta talbu biex joħroġ mill-bini, attakkah billi ġera għal fuqu b’mod vjolenti u mbuttah bi spalltu.
Ir-raġel intbagħat il-ħabs għal 27 xahar u ġie ordnat ma jersaqx lejn dawn iż-żewġ skejjel u żewġ skejjel oħra. L-avukat tiegħu qalet li r-raġel kien għaddej minn żmien iebes fosthom minħabba li għandu bintu li hi marida serjament.
L-iskola li kienet ordnat liż-żgħażagħ iqaxxru l-leħja tagħhom, biddlet il-pożizzjoni tagħhom wara li sar magħruf li ż-żewġ adolexxenti kienu qed jattendu programm ta’ tagħlim Hafiz fil-moskea lokali tagħhom.
//= $special ?>