Internazzjonali

Liġi ġdida fi Franza tirrabja lill-prostituti

Liġi ġdida, li dalwaqt tiddaħħal fis-seħħ fi Franza, qed tirrabja lill-prostituti hekk kif qed jiġi propost li l-klijenti ta’ dawn in-nisa jingħataw multa ta’ £1,200 jew €1,650, inkella sentenza ta’ sitt xhur ħabs, jekk jinqabdu jħallsu għas-sess.

Il-Ministru għad-Drittijiet tan-Nisa, Najat Vallaud-Belkacem, ipproponiet il-liġi kontroversjali bil-għan li tonqos il-vjolenza fuq in-nisa, u finalment, biex tinqered il-prostituzzjoni fi Franza.

L-ewwel abbozz ta’ liġi għadda mill-Parlament fl-aħħar jiem, u fit-12 ta’ Ġunju jerġa’ jiffaċċja l-aħħar vot.

Imma mill-ewwel qanqal l-objezzjoni ta’ gruppi ta’ prostituti, b’ħafna minnhom jargumentaw li ħafna politiċi qed ikunu ipokriti għax huma l-klijenti prinċipali tagħhom.

Il-grupp Strass, għad-drittijiet tal-prostituti, qed jisħaq li l-liġi ġdida se tipperikola xogħol il-prostituti u se titfagħhom dejjem iktar fil-moħbi.

Skont il-Ministru għad-Drittijiet tan-Nisa, il-Gvern Soċjalista Franċiż hu b’saqajh mal-art u hu konxju li dan hu proġett li se jieħu tul ta’ żmien. Vallaud-Belkacem spjegat li l-iskop aħħari hu li jiġu mħarsa l-maġġoranza tal-prostituti li huma vittmi ta’ min iħaddimhom.

Skont il-liġi Franċiżi llum, hi legali li wieħed ifittex jew joffri flus għal servizzi sesswali sakemm dan isir mingħajr reklamar. Li wieħed iħaddem prostituti jew jgħix mill-qliegħ tal-prostituzzjoni huma reati kriminali. Fl-Ewropa s’issa, l-Iżvezjoni u n-Norveġja biss jqisu li hu llegali jekk wieħed iħallas għas-sess.