Mejju f’Malta kien inqas imsaħħab, inqas umdu imma b’iktar xita, sħana u isbaħ milli s-soltu jkun f’dan ix-xahar.
Skont l-Uffiċċju Meteorologu tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, matul Mejju Malta kellha 350.3 sigħat ta’ xemx, li huma ħafna ogħla mill-medja ta’ 299.1 siegħa għal dan ix-xahar, b’medja ta’ 11.3 sigħat xemx kuljum.
L-iktar ġurnata sabiħa, fit-13 tax-xahar, ix-xemx ħarġet għal 13.3 siegħa waqt li l-iktar ġurnata mudlama, il-21 tax-xahar, kellha biss 3.1 sigħat ta’ xemx.
F’Mejju, ix-xita niżlet għal total ta’ 21.2 mm, iktar minn darbtejn iktar il-medja tal-aħħar 30 sena, ta’ 8.5 mm. Dan seħħ l-iktar minħabba jumejn konsekuttivi ta’ xita, fis-17 u fit-18 tax-xahar, fejn fl-ewwel jum waħdu niżlu 13.5 mm fis-siegħa.
Is-sajjetti nstemgħu għal jum iktar mill-jumejn tas-soltu, waqt li ċ-ċpar kien irrappurtat biss fl-20 tax-xahar.
It-temperatura medja tal-baħar kienet ogħla mill-medja għal dan iż-żmien u laħqet il-quċċata ta’ 19.2°C meta s-soltu kienet tkun ta’ madwar 18.0°C. L-ogħla temperatura tal-baħar laħqet l-20.9°C waqt li l-inqas kienet ta’ 17.0°C.
Il-livell tal-umdità relattiva kien ta’ 67%, ftit inqas mill-medja ta’ dan iż-żmien ta’ 73%. Anke s-sħab kien ftit inqas mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena.
B’kollox 24 minn 31 ġurnata f’Mejju kienu aktar sħan minn dak li normalment ikun esperjenzat f’dan ix-xahar, bi tlett ijiem li matulhom intlaħqet temperatura massima ta’ 5°C aktar mis-soltu.
It-temperatura medja tal-arja għax-xahar li għadda qabżet il-medja tal-klima ta’ 19.8°C b’ 0.9°C, biex laħqet 20.7°C. L-ogħla temperatura rreġistrata f’Mejju laħqet 29.7°C, iżda l-iktar baxxa kienet ta’ 13.2°C.
//= $special ?>