Lokali Parlament

Muscat jiddefendi d-deċiżjoni li Kastilja tinvestiga lill-Kastilja

L-Oppożizzjoni tinsisti li investigazzjoni interna f’Kastilja dwar l-iskandlu ta’ Triq Zekka ma tfixkilx lill-Awditur Ġenerali

L-iskandlu tal-proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt u l-investigazzjonijiet li qed isiru b’rabta ma’ dan l-iskandlu, tqajjem fil-Parlament fil-bidu tas-seduta tal-lejla, bil-Prim Ministru Muscat jiddefendi d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Uffiċċju tiegħu li taħtu jaqa’ r-responsabbiltajiet tal-artijiet, u li permezz tagħha Kastilja qed tinvestiga lill-Kastilja stess.

L-Oppożizzjoni nsistiet illejla fil-Parlament, li din l-investigazzjoni interna f’Kastilja ma tfixkilx l-investigazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali li talbet l-Oppożizzjoni.

Il-każ skandaluż fi Triq Żekka jirrigwarda l-ħlas ta’ €1.65 miljun għal nofs proprjetà fi Triq Zekka, b’Mark Gaffarena jitħallas €516,390 fi flus kontanti u art, b’valur ta’ ftit iktar minn €1 miljun.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, insista mal-Prim Ministru li l-inkjesta maħtura b’deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex l-Internal Audit Investigations Department (IAID) ma jimpedixxix u ma jfixkel bl-ebda mod l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali li ntalab jinvestiga l-iskandlu dwar il-proprjetà fi Triq Zekka fuq talba tal-Oppożizzjoni.

Għal aktar mistoqsijiet li saru mix-Shadow Minister Jason Azzopardi u d-Deputati Nazzjonalisti Francis Zammit Dimech, George Pullicino u Ryan Callus, il-Prim Ministru ddefenda d-deċiżjoni li l-IAID tinvestiga wkoll din il-materja.

B’rabta mal-mistoqisjiet li saru mill-membri tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru spjega li jittama hu wkoll li t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni jiġu mwieġba mill-investigazzjonijiet li qed isiru.

L-Oppożizzjoni rrimarkat id-differenza fiż-żewġ investigazzjonijiet li issa qed jinvestigaw l-istess skandlu, b’dik tal-Awditur Ġenerali twieġeb lill-Parlament, filwaqt li dik tal-IAID lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biss.

Muscat qal li segwa l-passi tal-Oppożizzjoni meta talab l-invetigazzjonijiet fl-istess uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Qal ukoll li ma jidhirlux li hemm persuni fl-uffiċċju tiegħu li huma involuti f’dak il-każ.

L-Oppożizzjoni rrimarkat ukoll jekk kienx hemm xi u-turn meta s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon meta fl-ewwel dikjarazzjoni tiegħu meta faqqa’ l-iskandlu kienet li ntużaw il-proċeduri normali u m’hemmx bżonn ta’ investigazzjoni, u llum l-istess Segretarju Parlamentari bidel il-verżjoni u talab biex Kastilja tinvestiga.