Omm u bintha ta’ 4 snin, li kienu qed jieħdu xi ritratti fil-ġnien tad-dar tagħhom f’Coventry, fir-Renju Unit, twerwru meta fuq il-ġugarelli tat-tifla waqa’ insett kbir.
Għall-ewwel Joy Dehany ħasbitu farfett ikkulurit imma ftit biss wara ndunat li l-insett kien fil-forma ta’ żunżana. Ippruvat taqbdu taħt barmil imma rnexxielu jaħrab sakemm imbagħad irnexxielha terġa’ taqbdu u poġġiet kaxxa mimlija msiemer fuq il-barmil biex bil-piż tagħha żżommu maqbud.
L-omm qalet li bintha Rosie ma beżgħetx, anke jekk insett simili ħafna għal dak li waqa’ qribha, imma mir-razza Ażjatika, bħalissa qed iwerwer lil Franza. Qalet li fittxew x’tip ta’ insett hu u skoprew li hu l-bagħal Ewropew, li hu ħafna iktar mans mill-kuġin tiegħu li wasal fi Franza.
Skont esperti, l-insett jevita li jidħol f’kunflitt u jniggeż biss jekk iħossu taħt theddida jew attakkat, bħal jekk xi ħadd jirfsu. Ħafna jibdlu l-bagħal Ewropew ma’ dak Ażjatiku, għax jixxiebħu, imma waqt li dak Ewropew mhu ta’ ebda periklu, dak Ażjatiku wassal għall-mewt ta’ sitt persuni fi Franza u qered kolonji ta’ naħal indiġeni.
//= $special ?>