Lokali

Protesta spontanja fil-Pitkalija – il-bdiewa ma jistgħux jaħdmu

Il-bdiewa ma jistgħux jaħdmu u jwasslu l-biegħa fil-Pitkalija għaliex jeżisti nuqqas kbir ta’ kaxxi li fihom jistgħu jwasslu l-prodotti tar-raba’ tagħhom sa Ta’ Qali.

Jirriżulta li mijiet ta’ kaxxi jinkisru kull ġimgħa waqt l-użu, u għall-aħħar xhur dawn ma kinux qed jinbidlu ma’ oħrajn ġodda. Dan wassal biex il-problema akkumulat u kibret tant li fl-aħħar jiem il-bdiewa qed jispiċċaw iqattgħu sas-13:00 jew iktar tard jistennew li jingħataw kaxxi biex ikunu jistgħu jgħabbu fihom il-prodotti. Uħud kienu sfurzati jduru lura idhom f’idhom.

Imma minħabba li din il-problema ma ġietx indirizzata mill-Gvern, is-sitwazzjoni tant eskalat li issa lanqas ix-xerrejja m’għadhom jieħdu magħhom kaxxi tal-ħaxix għaliex dawn saru skarsi.

Dan wassal biex it-Tnejn filgħodu grupp ta’ bdiewa nġabru quddiem l-entratura tal-Pitkalija, jimblukkaw it-trakkijiet li kienu ħerġin, fi protesta spontanja biex iwasslu l-għadab tagħhom għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern. Is-sitwazzjoni tant hi mifruxa li wasslet biex anke’ dawk li kienu ħerġin bit-trakkijiet tagħhom ingħaqdu fil-protesta u spjegaw li anke’ huma għaddejjin mill-istess sitwazzjoni.

Xi bdiewa spjegawlna kif il-Gvern, f’attentat biex jidher li qed jieħu azzjoni, ħareġ 1,500 kaxxa ġdida. Madankollu dan l-ammont ta’ kaxex hu baxx ħafna, kważi insinifikanti, għaliex bidwi wieħed ikollu bżonn mas-600 kaxxa biex jaħdem. Bdiewa li tkellmu magħna qalulna li biex is-sitwazzjoni tissolva, hemm bżonn li l-Gvern joħroġ mal-100,000 kaxxa ġdida biex jinbidlu dawk li nkisru fl-aħħar xhur.

Il-bdiewa jinsabu nkwetati hekk kif issa hu fost l-aqwa żmien fejn jaqilgħu l-prodotti tagħhom mill-għelieqi wara xhur ta’ ħidma u tbagħtija. Spjegawlna li s-sitwazzjoni mistennija tkompli tikber fil-ġimgħat li ġejjin u se jkomplu jipprotestaw sakemm il-Gvern jieħu azzjoni.

Dwar dan diġa’ tkellmet ukoll l-Oppożizzjoni li fi stqarrija maħruġa s-Sibt li għadda mill-Kelliem tal-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina, qalet li t-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern biex ħareġ l-offerti neċessarji għax-xiri ta’ dawn il-kaxxi qed iwassal għal tbatija żejda għall-bdiewa li jaqilgħu l-għejxien tagħhom mill-agrikoltura, b’mod speċjali f’dan iż-żmien tas-sena.

DSC_3864

Ritratt: Kju ta’ trakkijiet tal-bdiewa jistennew li jingħaw il-kaxxi biex ikunu jistgħu jaħdmu