Residenti ta’ Triq Desain fil-Birgu ilhom ġimgħat isofru minn periklu, ħmieġ u trabijiet minħabba li t-triq inqalgħet ftit jiem qabel l-elezzjoni u tħalliet abbandunata minn dak iż-żmien.
Minkejja li t-triq hi mimlija ħofor fondi u perikolużi u katusi mkissra fit-triq ilhom ma jersqu l-ħaddiema għal ġimgħat sħaħ.
Minkejja li r-residenti lmentaw għal iktar minn darba lill-Kunsill Lokali, baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni, bil-kunsilliera jwaħħlu fil-Gvern u jisħqu li mit-Teżor infurmawhom li m’hemmx biżżejjed flus.
Dawk li tkellmu magħna staqsew kif din it-triq inqalgħet jiem biss qabel l-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, meta m’hemmx flus għal dan il-proġett.
“Allura din it-triq inqalgħet biss biex nagħmu lin-nies u niġbru l-voti?” staqsa resident li xtaq jibqa’ anonimu filwaqt li kompla li ħadd mill-Kunsill Lokali ma seta’ jgħidlu meta dan il-proġett se jkompli jew jitlesta.
Fl-aħħar jiem f’din it-triq saħansitra dehru ġrieden jiġru, kawża li t-triq tinsab maqlugħa u xi katusi u tappieri tad-dranaġġ huma esposti. Dan bil-konsegwenza li hemm riskju li jixtered il-mard, apparti li l-t-tifrik fit-triq hu ta’ periklu li jaqa’ u jweġġa’ xi ħadd.






