Sport

Żewġ gowls mill-isbaħ u rebħa Maltija

Żewġ gowls mill-isbaħ taw rebħa meritata lit-tim Malti 2-0 fuq il-Litwanja f’partita ta’ ħbiberija. Minkejja li l-logħba ma kinitx spettakolari, it-tim Malti kien aħjar u wara l-gowl tal-vantaġġ, il-Maltin setgħu jikkontrollaw aħjar.

Punt pożittiv kien żgur l-ewwel gowl mat-tim Nazzjonali tal-attakant ta’ Qormi Alfred Effiong li fit-tielet partita sab ix-xibka għall-ewwel darba, gowl li wieħed jittama li jkun l-ewwel minn ħafna. Din ir-rebħa timla b’kuraġġ lill-grupp kollu li fl-assenza ta’ Andrew Hogg, Steve Borg, Jonathan Caruana, Ryan Fenech u Andre Schembri li daħal biss fl-aħħar minuti xorta offrew prestazzjoni pożittiva.

L-ewwel minuti żvolġew f’nofs il-grawnd u kellna nistennew sal-20 minuta għall-ewwel azzjoni denja meta Kuklys ipprova b’korner dirett iżda Justin Haber kien pront u biegħed il-periklu. Ir-risposta Maltija waslet minuta wara minn kross ta’ Cohen, Alex Muscat ipprova b’daqqa ta’ ras li għaddiet għoli. It-tim Malti mar viċin il-gowl fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima, meta Alex Muscat ta ballun fl-ispazju lejn Michael Mifsud li pprova b’xutt angolat fil-baxx li iżda għadda ftit barra.

Il-Litwanja marru viċin fl-aħjar azzjoni tagħhom fit-53 minuta meta Lukja kkrossja fil-baxx, Matuleviciks ma laqatx, il-ballun spiċċa għand Mikoliunai li għeleb lil Haber b’xutt fil-baxx. Iżda kien l-istess attakant Mikoliunai li ċaħħad il-gowl wara li kien mal-art fuq il-linja bil-ballun jaħbat ma’ dahru. It-tim Malti mar fil-vantaġġ fit-63 minuta meta minn korner ta’ Roderick Briffa, id-difiża kklerjat parzjalment, il-ballun spiċċa għand PAUL FENECH li b’xutt b’saħħtu fir-rokna għeleb lil Gertmanas. Fit-72 minuta xutt mid-distanza ta’ Rowen Muscat għadda barra.

Il-Maltin skorjaw it-tieni gowl fid-79 minuta meta s-sostitut ALFRED EFFIONG qabad ballun minn madwar 65 metru, baqa’ javanza, evita żewġ difensuri meta ġibed il-ballun lejn il-lemin u b’xutt imdawwar minn madwar 25 metru għeleb lil Gertmanas għal gowl mill-isbaħ. Ir-reazzjoni ta’ Litwanja ma waslitx u l-Maltin setgħu jikkontrollaw faċilment għal rebħa importanti u ta’ kurraġġ qabel l-isfida mal-Bulgarija.