Lokali Parlament

24,887 ċitazzjoni mill-gwardjani lokal f’Għawdex

L-akbar ammonti ta’ ċitazzjonijiet fir-Rabat, f’Għajnsielem, fiż-Żebbuġ u fil-Munxar

Fl-aħħħar sentejn u ħames xhur mill-2013 sal-4 ta’ Ġunju, ingħataw 24,887 ċitazzjoni f’Għawdex mill-gwardjani lokali. L-aktar ċitazzjonijiet ingħataw fir-Rabat, f’Għajnsielem, fiż-Żebbuġ u fil-Munxar.

Minn informazzjoni li ta meta wieġeb mistoqsijiet parlamentari tax-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ppreżenta tabella bin-numru ta’ ċitazzjonijiet li ngħataw fl-2013, fl-2014 u matul din is-sena f’kull lokalità f’Għawdex.

Jirriżulta li l-akbar ammont ta’ ċitazzjoniijet ingħataw fir-Rabat, b’total li laħħaq 16,438. Matul is-sena li għaddiet, iċ-ċitazzjonijiet fir-Rabat f’Għawdex mill-gwardjani lokali żdiedu b’aktar minn 2,700 għal total ta’ 7,769 fl-2014.

It-tieni l-akbar lokalità fejn ingħataw ċitazzjonijiet kien f’Għajnsielem, fejn b’kollox fl-aħħar sentejn u ħames xhur ingħataw 2,726. F’din il-lokalità wkoll kien hemm żieda ta’ aktar minn mitt ċitazzjoni bejn l-2013 u l-2014.

Fil-lokalità taż-Żebbuġ, ingħataw 2,030 ċitazzjoni fl-istess perjodu, bin-numru ta’ ċitazzjonijiet jonqsu bejn l-2013 għall-2014 b’aktar minn 380.

Lokalità oħra żgħira f’Għawdex, il-Munxar, ukoll rat in-numru ta’ ċitazzjonijiet jaqbżu l-elf ċitazzjoni, fejn b’kollox fil-perjodu msemmi ngħataw total ta’ 1,004.

Fil-lokalitajiet l-oħrajn, bejn l-2013 sal-4 ta’ Ġunju, ingħataw 190 ċitazzjoni fl-Għarb; 64 fl-Għasri; 114 f’Kerċem; 693 fin-Nadur; 81 fil-Qala; 53 f’San Lawrenz; 145 f’Ta’ Sannat; 503 fix-Xagħra u 565 fix-Xewkija.