Tlett ijiem wara li rebħu 1-Champions League Barcelona ħabbru li d-difensur Dani Alves ġedded il-kuntratt tiegħu b’sentejn u b’hekk hu marbut mat-tim sal-2017. Matul l-aħħar ġimgħat kien hemm spekulazzjonijiet li d-difensur Brażiljan ta’ 32 sena kien se jħalli lill-klabb Katalan u fost klabbs li urew l-interess tagħhom kien hemm Manchester City u Milan.
Alves kien plejer importanti fit-tim li għadu kemm rebaħ it-‘Treble’. Hu kien ingħaqad ma’ Barcelona fl-2008 mingħand Sevilla fl-2008 u minn dakinhar ‘l hawn rebaħ ħames darbiet il-kampjonat domestiku u tliet darbiet iċ-Champions League.
Intant, il-President ta’ Barcelona Josep Maria Bartomeu qal li hu fiduċjuż li l-kowċ attwali Luis Enrique se jibqa’ mal-klabb anke fl-istaġun li ġej. Wara l-finali taċ-Champions League ta’ nhar is-Sibt li għadda kontra Juventus, Enrique ma ikkonfermax li se jibqa’ u qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jitkellem mad-diriġenti.
F’kummenti li ta Bartomeu qal li Enrique, fl-ewwel sena tiegħu mal-klabb ma setax imur aħjar milli mar u kompla billi sostna li m’għandha tkun l-ebda problema biex jibqa’ mal-klabb.
Dan is-sajf fi ħdan il-kamp ta’ Barcelona se jsiru l-elezzjonijiet Presidenjzali u jkun biss wara li jkun elett President ġdid li tittieħed deċiżjoni dwar il-futur ta’ Enrique.
//= $special ?>

