Ir-rebħa ta’ Malta bi skor ta’ 2-0 fuq il-Litwanja qed tiddomina l-aħbarijiet sportivi internazzjonali grazzi għall-gowl mill-isbaħ li skurja l-attakant Malti Alfred Effiong.
Effiong, imwieled in-Niġerja u li llum għandu 30 sena, hu miżżewweġ Maltija u wara snin twal jilgħab u jgħix f’Malta kiseb ukoll iċ-ċittadinanza biex seta’ jilgħab għal pajjiżna.
L-għażla tal-kowċ Malti Pietro Ghedin li jsejjaħlu mat-tim nazzjonali Malti qed tħalli l-frott bil-plejer ilbieraħ jiskurja l-ewwel gowl tiegħu għal Malta.
B’mossa tajba Effiong ħarab mill-plejers tal-Litwanja, qasam nofs grawnd bil-ballun f’saqajh, qarraq b’difensur avversarju u għadda l-ballun minn bejn saqajn plejer ieħor qabel qabbeż minn fuq il-goalkeeper avversarju b’xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa.
Dan il-gowl mill-ewwel attira l-interess ta’ siti tal-aħbarijiet madwar id-dinja, b’mod speċjali dawk fir-Renju Unit fejn id-Daily Mirror ħarġet bit-titlu ‘Insew lil Messi u Ronaldo. Ħadd ma skurja gowl bħal t’Alfred Effiong’. Fl-Italja, La Stampa ħarġet b’titlu simili li jgħid: “Insew lil Messi u Ronaldo. Show mill-Malti Effiong.”
Intant fix-xhur li ġejjin mistenni jikseb iċ-ċittadinanza Maltija anke’ l-winger mill-Kamerun Njongo Priso, hu wkoll miżżewweġ Maltija u li se jilgħab ma’ Valletta fl-istaġun li ġej.
It-tama ta’ ħafna hi li anke’ Priso, li għandu 26 sena, iħalli l-istess impatt ta’ Effiong.
//= $special ?>

