Internazzjonali

Il-Greċja tressaq pjan ta’ riforma rivedut lill-UE u l-IMF

Il-Greċja ressqet pjan ta’ riforma rivedut lill-Unjoni Ewropea u lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Dan kien ikkonfermat ftit jiem wara li l-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, ma aċċettax sensiela ta’ riformi mressqin mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker.

L-UE u l-IMF iridu li l-Greċja timpenja ruħha għal aktar riformi ekonomiċi qabel Ateni tkun tista’ tingħata fondi ta’ emerġenza (mill-bailout) ekwivalenti għal 7.2 biljun ewro.

L-osservaturi, fl-istess ħin, qed jaħsbu li l-Greċja ċediet rigward ir-riformi fil-VAT u fis-settur tal-pensjonijiet, kif ukoll rigward il-mira primarja tas-surplus (żbilanċ) fuq livell nazzjonali.

Il-pjan għar-riforma tressaq jum qabel issir laqgħa fi Brussell bejn Tsipras, il-President ta’ Franza Francois Hollande u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Il-laqgħa mistennija sseħħ wara l-kwinti ta’ summit bejn l-UE u l-istati Latini-Amerikani

Waqt li hu mifhum li l-Greċja hi lesta biex iżżid il-VAT, il-Gvern f’Ateni jrid iżomm xorta t-tliet rati speċifiċi – f’dan il-każ dik bażika; ir-rata mnaqqsa għall-ikel u l-mediċina u r-rata mnaqqsa l-oħra għall-kotba u l-akkomodazzjoni fil-lukandi.

Il-gazzetta ‘Ekathimerini’ qalet li l-Gvern Grieg hu wkoll lest biex javviċina dak li qed jitolbu l-kredituri internazzjonali rigward l-iżbilanċ nazzjonali. Dan meta l-kredituri, fil-preżent, jinsabu fil-proċess li jistudjaw il-lista tal-kontroproposti min-naħa tal-Greċja.

Sadanittant, Alexis Tsipras wissa li nuqqas ta’ ftehim dwar il-bailout tal-Greċja li jiskadi fl-aħħar tax-xahar għandu jitqies bħala ‘l-bidu tat-tmiem’ għaz-zona ewro.