Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jimmulta lill-Ministru li naqas jippubblika r-rapport ta’ inkjesta b’rabta mal-każ tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ġie mmultat aktar minn elf ewro mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data wara li naqas li ma kienx ippubblikat mill-Ministru Carmelo Abela rapport ta’ Inkjesta li sar f’Lulju tas-sena l-oħra dwar l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Il-Ministru Abela naqas li jippubblika r-rapport imsemmi fiż-żmien ta’ għaxart ijiem xogħol li ngħata mill-Kummissarju għall-Protezzjon tad-Data wara li ħa d-deċiżjoni fuq każ dwar il-libertà tal-informazzjoni li tressaq quddiemu.
Il-Ministru Helen Dalli, li taħtha taqa’ r-responsabbiltà tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, fi tweġiba li tat għal mistoqsija tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, ikkonfermat fil-Parlament il-multa amministrattiva ta’ €250 imposta fuq il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Il-Ministru wkoll naqas li jippubblika r-rapport ta’ inkjesta kif mitlub mill-persuna li ressqet l-ilment.
B’rabta ma’ dan in-nuqqas, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi talab lill-Ministru Carmelo Abela jispjega jekk iħossux komdu b’dan in-nuqqas min-naħa tiegħu u aktar minnhekk, li kien immultat, u l-ħlas tal-multa li laħħaq l-elf ewro jrid joħroġ mill-fondi pubbliċi.
Jason Azzopardi rrimarka fil-Parlament li dan hu rapport li tlesta f’Lulju tas-sena l-oħra u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fil-11 ta’ Mejju. Ir-rapport tqiegħed wara li l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data impona multa abbinata wkoll ma’ kull jum li l-Ministru jittardja li jippubblika r-rapport u ma josservax id-deċiżjoni tiegħu.
Fin-nuqqas tal-Ministru Carmelo Abela li ma kienx preżenti fil-Kamra, il-Ministru Joe Mizzi ddefenda l-aġir tal-Ministru Carmelo Abela u baqa’ jgħid u jirrepeti li r-rapport ma kienx ippreżentat għaliex ma kienx lest.
Jason Azzopardi rrimarka li mhux korrett li l-Gvern jgħid li r-rapport ma kienx lest għaliex wara li tlesta f’Lulju li għadda, inżamm għal għaxar xhur mistur.
Ministru li lanqas ma żamm kelmtu li jsolvi l-kwistjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija
Ix-Shadow Minister talab lill-Ministru wkoll iwieġeb kif fil-bidu ta’ Jannar kien wiegħed f’intervista ma’ gazzetta lokali
li fi żmien ġimagħtejn kien se jasal għal soluzzjoni dwar il-kwistjoni pendenti marbuta mal-oġġezzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija għall-addendum li jneħħi l-awtonomija tal-Korp, u li dwaru għamlet protest ġudizzjarju fil-Qorti f’Novembru tas-sena l-oħra.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi rrimarka li dwar din il-kwistjon wkoll il-Gvern baqa’ ma ta ebda informazzjoni aktar minkejja l-wegħda li kien se jsolviha fil-bidu tas-sena fi ftit ġimgħat, u llum jirriżulta li għadha mhix konkluża.
//= $special ?>