Lokali Parlament

Il-multi għandhom jissarrfu f’relazzjoni diretta bejn min iħaddem u l-persuna b’diżabbiltà

Il-Gvern għandu jkun hu l-ewwel li jagħti l-eżempju lis-settur privat u jħares l-obbligi fil-liġi dwar l-impjiegi ta’ persuni b’diżabbiltà

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo appella lill-Gvern biex il-multi li se jiġu imposti bl-emendi li qed iressaq fil-Parlament fuq dawk il-kumpaniji li ma jimpjegawx il-kwota stabbilita ta’ persuni b’diżabbiltà, ma jmorrux għal xi fond ta’ entità tal-Gvern iżda l-multa għandha tissarraf f’relazzjoni diretta bejn il-kumpanija u l-persuna b’diżabbiltà.

Din kienet waħda mill-proposti u suġġerimenti li ressaq fil-Parlament il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi fid-dibattitu dwar l-emendi proposti fl-Att dwar l-Impjiegi tal-Persuni b’Diżabbiltà.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-multa għandha titħallas direttament lil dik il-persuna li l-kumpanija tkun irrifjutat jew għażlet li ma timpjegax. Ma jaqbilx li flus tal-privat imorru f’entità pubblika li tista’ tmur għal kull fond ieħor.

Din ir-relazzjoni bejn il-persuna u l-kumpanija, qal id-Deputat Nazzjonalista, tista’ tissarraf matul iż-żmien f’sitwazzjoni li fiha l-kumpanija tkun f’pożizzjoni li toffri impjieg għal perjodu ta’ żmien skont iċ-ċirkustanzi u l-bżonnijiet ukoll tal-kumpanija.

Jistaqsi lill-Gvern jgħid x’konsultazzjonijiet saru u ma’ min
Robert Arrigo staqsa x’diskussjonijiet saru mal-MHRA, l-MEA, il-Fattta u l-Kamra tal-Kummerċ u ma’ għaqdiet oħrajn kostitiwtiti, u x’kienet il-pożizzjoni u x’reazzjonijiet kien hemm waqt li staqsa wkoll jekk sarux xi rapporti dwar dan, u jekk kien hemm jistgħux jiġu preżentati.

Semma d-diffikultajiet ta’ persuni b’ċertu diżabbiltà li jistgħu jiltaqgħu magħhom minħabba l-ambjent tax-xogħol, bħalma hu dak fis-settur tal-lukandi u tal-catering u l-fabbriki. Staqsa lill-Gvern jispjega r-raġuni għaliex il-kwota ta’ 2% qed tiġi applikata għal kulħadd bl-istess mod meta hawn ħafna SME’s li jħaddmu anqas minn 50 impjegat.

Irrimarka li b’dan il-mod ikun qed jintefa’ piż fuq dawn il-kumpaniji b’anqas minn 50 persuna meta m’hemmx il-bżonn ta’ dan għaliex il-perċentwal ta’ persuni li jridu jimpjegaw skont il-kwota li ġiet stabbilita, hu perċentwal żgħir ħafna.

Issuġġerixxa li jekk ikun hemm minimu ta’ ħaddiema li trid timpjega kumpanija biex tapplika l-kwota ta’ 2%, l-ammont għandu jkun ta’ aktar minn 50 impjegat biex jidħlu f’din l-iskema.

Dwar Għawdex u jekk l-istess skema għandhix tapplika bħal dik għal Malta, Robert Arrigo staqsa fiex wasal il-pjan tal-Gvern li tħabbar fil-Baġit li kien se jagħti xi xogħol ta’ scanning għal dawk il-persuni reġistrati mal-ETC. Robert Arrigo qal li hu infurmat li s’issa dan ix-xogħol għadu ma bediex.

Il-kwota ta’ 2% m’għandhix tiġi imposta fuq kumpaniji żgħar
Semma wkoll il-possibbiltà li kienet issemmiet – ta’ joint venture biex jinfetaħ xi ċentru mal-Knisja – u staqsa meta u kif se jinfetaħ, u jekk il-50 persuna b’diżabbiltà li huma reġistrati f’Għawdex humiex qed jingħataw ix-xogħol.

Appella lill-Gvern li f’dan il-qasam sensittiv tal-impjiegi lill-persuni b’diżabbiltà, il-Gvern għandu jkun hu ta’ eżempju hekk kif fisser li l-privat m’għandux ikollu imposti fuqu aktar obbligi minn dawk tal-Gvern. Saħaq li jrid ikun il-Gvern l-ewwel li jonora l-kwota ta’ 2% biex imbagħad ikun jista’ jinsisti u jobbliga lill-privat.

Ħidma biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-persuni bi bżonnijiet speċjali
Tkellem ukoll dwar l-importanza li ssir ħidma fuq il-kapaċitajiet li jkolhom il-persuni bi bżonnijiet speċjali biex dawn isibu impjieg, u staqsa x’inhu x-xogħol li qed tagħmel l-ETC biex tipprepara lil dawn il-persuni biex tressaqhom lejn id-dinjità tax-xogħol b’impjiegi li jkunu addattati.

Irrimarka li f”ċertu setturi ta’ xogħol m’hemmx l-ambjent addattat u għandu jkun hemm screening tal-kapaċitajiet tal-persuni reġistrati, u korsijiet u taħriġ għal diversi forom ta’ diżabbiltà.

Issuġġerixxa li l-Gvern għandu jkollu elenku tan-nies u f’liema settur jistgħu jiġu impjegati, u jekk hemmx minimu ta’ sigħat li jridu jaħdmu fil-kwota li qed tiġi stabbilita, u jekk l-impjieg hux part-time, full-time jew b’sigħat flessibbli.

L-ITS u l-MCAST għandhom ukoll joffru taħriġ lill-persuni b’diżabbiltà
Irrimarka wkoll li jkun ta’ dannu kbir għall-istess persuna b’diżabbiltà jekk titqiegħed f’impjieg li mhux addattat għaliha. Esprima x-xewqa li anke l-ITS u l-MCAST joffru korsijiet speċjali għal dawn il-persuni b’diżabbiltà biex dawn ukoll isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jgħinuhom isibu impjieg. Dan hu l-mod, saħaq id-Deputat Nazzjonalista, li nersqu aktar lejn soċjetà inklussiva.

Appella li jekk hemm bżonn, il-Gvern jerġa’ jmur madwar il-mejda tad-diskussjonijiet biex nagħtu l-aħjar għodda lill-persuni b’diżabbiltà biex huma wkoll ikunu inklussivi u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Robert Arrigo qal li min iħaddem għandu dritt li jkun jaf l-istatus ta’ min qed jimpjega, u dan biex ikun ukoll ta’ għajnuna lis-soċjetà. Dan jista’ jservi wkoll ta’ għajnuna anke għal min isofri minn xi diżabbiltà jew kundizzjoni medika li tirriżulta wara li jidħol f’impjieg jew il-kundizzjoni medika tiżviluppa waqt li jkun għadu jaħdem.

Appella għal skema li tindirizza l-impjiegi tal-persuni Maltin b’diżabbiltà fid-dawl tal-fatt li l-ETC hi obbligata li meta tkun se tirriklama għall-post ta’ xogħol, trid tirriklama fl-Ewropa kollha.

Nevitaw l-inċidenti fil-post tax-xogħol
Appella wkoll biex emendi li qed jitressqu b’rabta ma’ din il-liġi jiddaħħlu bl-aħjar mod possibbli u dan biex nassiguraw li dak li nimplimentaw jaħdem b’mod tajjeb u biex nevitaw inċidenti fil-post tax-xogħol.