Is-settur tal-banek f’pajjiżna hu settur importanti li jgħin lin-negozji jikbru fl-operat tagħhom, u anke barra minn Malta, biex fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa tgawdi l-ekonomija ta’ pajjiżna. Iżda, bħal kull settur li jikkontribwixxi għall-ekonomija Maltija, dan ukoll jaffaċċja ċerti sfidi.
Waqt żjara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel lill-ħaddiema fl-uffiċċji ewlenin tal-Mediterranean Bank, kellu l-opportunità jitkellem dwar xi sfidi jaffaċċja l-Bank fis-settur bankarju tal-lum. Tkellem ukoll dwar kif il-Bank jirnexxielu jegħleb dawn l-isfidi, hekk kif l-ekonomija tal-lum saret iddominata sew mis-servizzi finanzjarji.
Flimkien maċ-Chairman tal-Bank Francis J Vassallo u l-Kap Eċekuttiv Mark A Watson, fost oħrajn, issemma’ l-fatt kif f’temp ta’ ftit snin minn mindu ġie stabbilit il-Bank f’pajjiżna fl-2005, dan il-Bank irnexxielu jiftaħ seba’ fergħat madwar Malta u Għawdex.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li jħossu sodisfattt meta jara li diversi negozji f’oqsma differenti, u li jkunu joffru prodotti u servizzi differenti, jagħżlu lil pajjiżna biex jagħmlu dan. Hu l-iskop tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jżomm il-kuntatt mal-industrija tan-negozju.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono u mill-Kelliem għan-Negozji ż-Żgħar, il-Kummerċ u s-Self Employed Robert Arrigo.
//= $special ?>