Hu evidenti li Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt fl-iskandlu ta’ Strada Zekka, tant li fil-paniku li jinsab fih, Muscat spiċċa saħansitra jqarraq bil-Parlament.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li wara li l-Oppożizzjoni talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan l-iskandlu, il-Gvern għamel u-turn u mar għand l-Internal Audit Investigations Department (IAID), li hu Dipartiment f’Kastilja, biex jagħmel investigazzjoni.
L-Oppożizzjoni insistiet mill-ewwel li teżisti differenza bażika bejn l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, li jirrapporta lill-Parlament u li jippubblika l-investigazzjoni tiegħu, u l-IAID, li jirrapporta lill-Kabinett iżda ma jippubblikax l-investigazzjoni.
Madankollu, fid-difiża tiegħu għal dan l-iskandlu, Joseph Muscat qara siltiet mil-Liġi tal-Internal Audit Investigations, bil-għan li jagħti l-impressjoni li l-investigazzjoni li jrid li ssir hi b’saħħitha daqs dik tal-Awditur Ġenerali.
Il-Partit Nazzjonalista qal li konvenjentament, Muscat għażel li jħalli barra żewġ artikli importanti f’din il-Liġi, li juru ċar li l-investigazzjoni li jrid jagħmel Muscat dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka jrid li jżommha moħbija u li l-konklużjonijiet tagħha jkun jafhom hu biss.
Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tinsisti li l-investigazzjoni għandha ssir mill-Awditur Ġenerali, li hu istituzzjoni Parlamentari. Joseph Muscat hu politikament responsabbli għal dan l-iskandlu u għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika, fejn f’kull ħaġa li jgħid Muscat, kulħadd jispiċċa jsaqsi x’inhi l-ħadma warajha, sostna l-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>
