Lokali

Klieb mejta mixħuta fit-triq: Dubbien u riħa tinten jimlew l-inħawi

Persuna irresponsabbli lbieraħ iddeċidiet li tabbanduna żewġ klieb mejta f’ġenb tat-triq hekk kif wieħed jinżel in-niżla ta’ Għar San Brinkat lejn Baħar iċ-Ċagħaq.

Dan il-ġest ħoloq inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi hekk kif ir-riħa qawwija li dawn il-klieb bdew jerħu, kawża wkoll tas-sħana tal-aħħar sigħat, kienet waħda insapportabbli.

Barra minn hekk, u kif jidher fir-ritratt, il-karkassi tal-klieb attiraw lejhom ammont qawwi ta’ dubbien li ksew iż-żona b’riskju li jinxtered il-mard.

Dwar dan il-każ saru rapporti lill-awtoritajiet konċernati, li nifhmu li qed jinvestigaw mhux biss x’wassal għall-mewt ta’ dawn il-klieb imma wkoll min kien li abbanduna l-karkassi ta’ dawn il-klieb.