Futbol Sport

Konna kważi perfetti u skurjajna żewġ gowls bellezza – Pietro Ghedin

“Għamilna inqas żbalji. Kważi m’għamilna xejn. Kienet wirja kollettiva kbira anki jekk b’diversi plejers neqsien. U ma’ dan kollu wieħed irid iżid il-gowls bellezza li skurjaw Fenech u Effiong. Wirjiet u rebħiet bħal dawn ma jiġux mix-xejn. Il-plejers ħadmu ħafna u tgħalmu ħafna. Illum għandi biss kliem ta’ tifħir għalihom kollha.”

Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-kowċ nazzjonali ta’ Malta Pietro Ghedin wara r-rebħa ta’ 2-0 li kisbet Malta f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Litwanja. Din il-logħba intlagħbet bi tħejjija għall-impenn ferm importanti ta’ nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju meta dakinhar Malta tilgħab kontra l-Bulgarija f’logħba mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.

“Bla dubju l-wirja tal-lum se tiswiena għal nhar il-Ġimgħa meta hawnhekk se jkun hawn il-Bulgarija. Tal-Ġimgħa se jkun konfront aktar importanti għaliex hi partita mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej. Irridu nżommu lilna nfusna iffukati u noqgħodu attenti f’kull dipartiment, speċjalment fid-difiża. Il-partita tal-lum se twassalna sal-Ġimgħa b’moral għoli u bi ftit aktar fiduċja,” kompla Ghedin.

Mistoqsi fuq il-partita tal-Ġimgħa kontra l-Bulgarija u jekk it-tim hux se jibda bl-istess formazzjonali, il-kowċ Taljan ma żvela xejn u qal biss li l-partita ta’ llum kienet waħda speċjali u dan minħabba l-fatt li fit-tim nazzjonali Malti jrid dejjem jara l-ispirtu u l-ħeġġa li kien hemm f’dawn id-90 minuta.

Hekk kif intemmet il-konferenza tal-aħbarijiet li saret eżatt wara l-logħba kontra l-Litwanja, il-plejers nazzjonali flimkien mal-istaff tekniku, marru lura fil-lukanda fejn jinsabu alloġġjati.

Mill-bieraħ bdiet il-preparazzjoni għall-partita tal-Ġimgħa kontra l-Bulgarija li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u tibda fid-8.45pm.

Ta min jinnota li filwaqt li Malta se tkun ġejja minn rebħa l-Bulgari, tard it-Tnejn filgħaxija tilfu 4-0 barra minn darhom kontra t-Turkija. L-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima kien dak ta’ 0-0 imma fit-tieni taqsima t-Torok skurjaw erbgġa, tnejn minnhom permezz ta’ Calhanoglu. Il-Bulgari jinsabu fir-raba’ post fi Grupp Ħ mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 b’ħames punti u żgur li jridu rebħa kontra l-Maltin jekk iridu jittamaw li jiksbu post fil-fażi finali li se tintlagħab sena oħra fi Franza.