L-HSBC, li hu meqjus bħala l-ikbar bank fl-Ewropa, se jkeċċi qrib wieħed minn kull 10 ħaddiema tiegħu hekk kif mistenni li fil-qrib ikeċċi mal-25,000 mill-266,000 ħaddiem tiegħu madwar id-dinja.
Fir-Renju Unit waħdu, fejn l-HSBC għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu, il-bank qed jippjana li jkeċċi 8,000 mit-48,000 ħaddiem, jiġifieri wieħed minn kull sitt impjegati.
Ħabbar diġà li se jillimita x-xogħol fir-Renju Unit u se jbiegħ in-negozju li għandu fit-Turkija u fil-Brażil. Dan bħala parti mill-isforzi tal-bank biex inaqqas l-ispejjeż u jissimplifika n-negozju tiegħu.
L-aħbar ġiet żvelata dalgħodu, ftit jiem biss qabel il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Stuart Gulliver mistenni jagħmel preżentazzjoni lill-investituri dwar it-tieni pjan tiegħu ta’ strateġija minn kemm ilu li ħa l-inkarigu mill-2011.
F’dikjarazzjoni, Gulliver qal li l-bank jirrikonoxxi li d-dinja nbidlet u li għandu jinbidel magħha.
Fi strateġija ta’ 10 punti, l-HSBC qed jippjana li jnaqqas l-ispejjeż tiegħu sa €4.45 biljun u jżid l-investiment fejn hu b’saħħtu, jiġifieri fl-Ażja b’mod partikolari fiċ-Ċina.
//= $special ?>