Futbol Sport

L-Istati Uniti tegħleb lill-Awstralja

Megan Rapinoe skurjaw darbtejn fl-ewwel impenn tal-Istati Uniti fit-Tazza tad-Dinja hekk kif dawn b’rebħa ta’ 3-1 kontra l-Awstralja. Grazzi għal din ir-rebħa, l-Istati Uniti, li jinsabu fit-tieni post tar-rankings mondjali, telgħu fil-quċċata ta’ Grupp D wara li aktar kmieni l-Iżvezja kienet ġiet miżmuma draw 3-3 kontra n-Niġerja.

Wara biss 12-il minuta Rapinoe fetħet l-iskor imma fis-27 minuta l-Awstraljani ġabu d-draw permezz ta’ gowl skurjat minn Lisa De Vanna. Fit-tieni taqsima l-Amerikani żiedu fir-ritmu u mas-siegħa logħob reġgħu marru fil-vantaġġ u din id-darba kienet Christen Press li poġġiet lill-Amerikani mill-ġdid fil-vantaġġ. 10 minuti mit-tmiem Rapinoe skurjat it-tieni gowl personali tagħha u t-tielet wieħed tal-Amerikani biex issiġillat il-konfront.

Aktar kmieni l-Iżvejza tilfet vantaġġ ta’ żewġ gowls kontra n-Niġerja biex spiċċat fi draw ta’ 3-3. Fil-21 minuta l-Iżvediżi marru fil-vantaġġ meta Oparanozie tefgħet il-ballun fix-xibka tat-tim tagħha stess u 10 minuti wara Fischer irduppjat mal-iskor. Ir-rimonta tan-Niġerjani bdiet fil-50 minuta meta Okobi naqqas id-distakk u tliet mintui wara ġabu d-draw b’gowl ta’ Oshoala.

Mas-siegħa logħob Sembrant reġgħet poġġiet lill-Iżvezja fil-vantaġġ imma tliet mintui mit-tmiem Ordega kisbet draw drammatiku għan-Niġerja. Wieħed jista’ jgħid li l-Amerikani huma fost il-favoriti għar-rebħ tat-titlu flimkien ma’ timijiet bħal ma huma l-Kanada, l-Ġermanja u l-Ġappun.

Il-Ġappun, li huma l-holders għelbu lill-Iżvizzera 1-0 b’penalty fl-ewwel taqsima skurjat minn Aya Miyama. Il-Kamerun irreġistra rebħa kbira ta’ 6-0 fuq l-Ekwador. Bla dubju l-eroj tal-logħba kienet Gaelle Enganamouit li skurjat hat-trick. L-Ekwador spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta fis-66 minuta tkeċċiet Ligia Moreira.